Wednesday, March 27, 2024

QTUGĦ FINANZJARJU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Qam kjass għax ġie żvelat, jekk fhimt tajjeb, li bħala parti mill-qtugħ li l-gvern
se jagħmel fin-nefqa tiegħu għal dis-sena, l-għotja ta’ fondi lill-Università għandha titnaqqas bi ftit aktar minn miljun ewro, qrib il-1.1 fil-mija ta’ dak li l-gvern kellu jagħtiha. Dejjem dwejjaq meta l-fondi jitnaqqsu mill-edukazzjoni. Xorta madankollu ma fhimtx il-plejtu.

Jekk l-istess persentaġġ ta’ tnaqqis min-nefqa infirex mal-ispiża amministrattiva kollha tal-gvern, hu baxx wisq fiċ-ċirkostanzi ta’ kif l-inflazzjoni baqgħet tagħfas, u l-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija baqgħu telgħin. Ma narax kif dal-qtugħ
jista’ jipprovdi biżżejjed spazju finanzjarju biex il-gvern jkompli jimpenja ruħu ħalli jilqa’ fit-tul għall-għoli tal-prezzijiet.

Għax hemm esiġenza li ma tridx tintesa. Sa issa d-diskors dwar l-aġġustament
tal-pagi bil-mekkaniżmu msejjaħ COLA għas-sena d-dieħla sar l-aktar dwar is-settur privat u kemm se jiżdidulu l-ispejjeż ta’ tmexxija.

Ftit li xejn intqal dwar kif l-ispejjeż tal-gvern se jintlaqtu wisq aktar.

PROGRAMM EWROPEW TA’ ĦIDMA

Il-pandemija ħolqot komplikazzjonijiet mhux mistennija li servew biex iħarbtu
l-bigħa. Mill-bidu nett, il-programm ta’ ħidma li ġie mħejji fl-2019 għal ħames snin mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew kien ambizzjuż ħafna. Fl-oqsma tal-isforzi kontra t-taħsir ambjentali bil-Green Deal, tar-riformi diġitali u tas-sigurtà u difiża ġiet proposta ċaqliqa ta’ riformi li mhux faċli jiddaħħlu bla inkwiet.

Kien naturali li ċertudewmien beda jinħass f’li proposti jitwasslu u jissajru skont il-miri. Il-gwerra ta’ Putin kompliet toħloq tfixkil bil-ħtieġa li jinħallu d-dilemmi dwar gwerra u paċi li qanqlet.

Xorta għadu qed jintqal fi Brussell li l-miri ssettjati għall-ħames snin sal-2024
għandhom jintlaħqu. J’alla. Nittama li dan ma jiġrix a skapitu tal-interessi u l-bżonnijiet tal-pajjiżi membri ż-żgħar.

LIĠI ELETTORALI EWROPEA

Interessanti taqra r-reazzjonijiet tal-gvernijiet għall-proposti dwar liġi elettorali ġdida li tirregola l-elezzjoni ta’ deputati għall-Parlament Ewropew li jmiss. Hemm kurrent ċar ta’ dwejjaq bil-proposta li jinħolqu kostitwenzi “mħallta”, magħmula minn partijiet ta’ pajjiżi differenti. Uħud (u naqbel magħhom) ma jarawx kif dil-proposta tista’ tivvampja l-interess fost l-Ewropej fl-elezzjonijiet. Biss jeżistu nies li għalihom, din saret domma.

Imbagħad hemm l-argument dwar il-partiti “Ewropej” li joħorġu bl-ispitzenkandidat tagħhom. Jinħatar President tal-Kummissjoni Ewropea l-“mexxej” kandidat tal-partit li jmur l-aħjar fl-elezzjoni. Jeżistu dwejjaq kbar dwar dil-biċċa fost uħud mill-membri. Personalment naraha nejja.

Bl-istess mod, qalgħet kritika l-idea li l-elezzjonijiet jinżammu f’ġurnata waħda mal-Ewropa kollha. Dil-ħaġa tirrokka mal-prattika kostanti ta’ ċerti pajjiżi f’kif
imexxu l-elezzjonijiet tagħhom.

Sat-12 ta’ Awwissu xi tnax-il gvern kienu sottomettew ir-reazzjonijiet tagħhom. Il-gvern Malti ma kienx fosthom.

Ekonomija

Sport