Wednesday, April 24, 2024

Bumbardament wassal biex reattur ta’ Zaporizhzhia kellu jintefa

It-tim tal-IAEA jibqa’ deterimant li jwettaq spezzjoni.

Aqra wkoll

L-Ukrajna qalet li reattur fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia kellu jintefa minħabba bumbardamenti min-naħa tar-Russi, u dan hekk kif l-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti huma mistennija li jżuru dan l-impjant. Min-naħa l-oħra, Moska qalet li s-suldati tagħha rnexxielhom iwaqqfu attentat mill-Ukreni biex jaħtfu dan l-impjant. 

Iż-żewġ naħat qegħdin jakkużaw lil xulxin b’attentati ta’ sabutaġġ hekk kif l-uffiċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) mistennija li jżuru dan l-impjant nukleari li jinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. Fil-preżent dan l-impjant jinsab f’idejn is-suldati Russi iżda xorta waħda għadu qiegħed jiġi operat minn ħaddiema Ukreni. 

Ġurnalist ta’ Reuters li jinsab ġewwa l-belt ta’ Enerhodar – li hija kkontrollata mir-Russi u tinsab qrib ħafna ta’ dan l-impjant nukeari – irrapporta li bini residenzjali safa milqut minn bumbardamenti tant li r-residenti kellhom ifittxu kenn. Il-ġurnalist qal li ma setax ikun determinat min verament wettaq dan l-attakk. 

Is-sitwazzjoni madwar l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tħasseb lill-komunità internazzjonali. Dan hekk kif fl-aħħar jiem madwar din iż-żona kien hemm numru ta’ bumbardamenti biż-żewġ naħat dejjem iwaħħlu f’xulxin. Il-biża’ hu li jekk dan l-impjant iġarrab ħsarat dan jista’ jikkawża diżastru nukleari li jkun saħansitra ikbar minn dak ta’ Chornobyl.

Intant iktar kmieni, id-Direttur Ġenerali tal-IAEA  Rafael Grossi meta tkellem mal-ġurnalisti ġewwa l-belt ta’ Zaporizhzhia – madwar 55 kilometru bogħod mill-impjant – qal li huwa konxju li hemm “attività militari qawwija fiż-żona” iżda saħaq li se jkompli għaddej bil-pjan li jżur dan l-impjant u jiltaqa’ mal-ħaddiema. Grossi tenna li “issa li wasalna s’hawn żgur li mhux se nieqfu”. 

Sport