Sunday, November 24, 2024

Rabja fost in-Nadurin wara li l-kap tal-iskola primarja ġiet trasferita fi skola oħra

Aqra wkoll

In-Nadurin jinsabu rrabjati għad-deċiżjoni li ttieħded fl-aħħar sigħat biex Mary Jane Camilleri titneħħa minn kap tal-Iskola Primarja tan-Nadur u tiġi trasferita lejn l-iskola Primarja Ta’ Sannat.

Sorsi qrib l-Iskola tan-Nadur qalu lil dan is-sit li Camilleri ġiet trasferita biex minflokha jinħatar kap Daniel Cassar li sa ftit snin ilu kien imexxi s-6th Form ta’ Għawdex. Hu kien tneħħa minn din l-iskola u sorsi qalulna li ma kienx aċċetta li jmur kap fi skola oħra. Kien għalhekk li hu kien spiċċa barra mingħajr skola.

Jirriżulta li l-għalliema tan-Nadur u anke ġenituri qegħdin jiġbru petizzjoni li mistennija tiġi ppreżentata kemm lill-Prinċipal tal-Edukazzjoni f’Għawdex u anke lill-Ministru tal-Edukazzjoni bit-tama li Camilleri tibqa’ tmexxi l-iskola li skont huma għamlet tant u tant ġid.

Min-naħa tiegħu l-Kunsill Lokal tan-Nadur fi stqarrija qal li “qed juri d-diżappunt tiegħu għat-trasferiment bla mistenni tal-Kap tal-Iskola Primarja tan-Nadur – deċiżjoni li ttieħdet riċentament u li fiha l-Kunsill Lokali fl-ebda ħin ma kien konsultat.”

Il-Kunsill qal Mary Jane Camilleri kien ilha sentejn tmexxi l-iskola Primarja tan-Nadur bl-aktar mod diliġenti u bieżel tant li assigurat illi kollox ikompli miexi ħarir minkejja x-xogħlijiet estensivi li kienu għaddejjin fl-istess skola finanzjati minn fondi Ewropej. Is-Sinjura Camilleri mexxiet l-iskola l-quddiem bil-kbir u bil-ħidma tagħha ħarġet l-aħjar mill-għalliema u studenti tagħna. Konsegwenza ta’ dak kollu li għamlet Mary Jane Camilleri hija kisbet ir-rispett u mħabba tal-ġenituri, tfal, għalliema u l-komunità kollha tal-lokalità taghna.

“Għaldaqstant il-Kunsill Lokali tan-Nadur juri d-dispjaċir u disapprovazzjoni tiegħu għall-fatt li Kap ta’ Skola li ħadmet b’tant ħeġġa u dedikazzjoni ferm oltre dak mistenni minnha, ħabta u sabta tiġi trasferita mill-iskola li mexxiet l’ quddiem mingħajr ebda konsultazzjoni ma ħadd. Il-Kunsill Lokali juri solidarjetà assoluta mas-Sinjura Mary Jane Camilleri u jibqa’ grat għal dak li wettqet fl-aħħar snin għall-komunita’ tan-Nadur. Jappella wkoll biex dawn id-deċiżjonijiet sensittivi ma jibqgħux jittieħdu bla ebda konsultazzjoni speċjalment mal-istess għalliema u l-Kunsill Lokali. Jitlob lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex għal ġid tal-Iskola Primarja u l-komunità tan-Nadur jikkonsidra li jibdel id-deċiżjoni li ħa,” temm jgħid il-Kunsill Lokali tan-Nadur fi stqarrija li ħareġ.

Sport