Thursday, December 26, 2024

Raġel akkużat b’serqiet minn banek tal-lottu u pompi tal-fjuwils

Aqra wkoll

Raġel ta’ 30 sena mir-Repubblika ta’ Cabo Verde u residenti l-Imsida, tressaq fil-Qorti t’Għawdex ilbieraħ, b’rabta ma’ diversi każijiet ta’ serq u attentati ta’ serq. 

Stħarriġ illi sar mill-Pulizija wassal biex l-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet minn banka tal-lottu fl-Imsida li seħħew f’Novembru 2023 u Jannar 2024. Huwa ġie akkużat ukoll li f’Jannar li għadda pprova jisraq minn pompa tal-fjuwil u uffiċċju fl-Imsida stess. 

F’Diċembru 2023 huwa wettaq serqa minn banka tal-lottu fl-Iklin, kif ukoll seraq minn pompa tal-fjuwil fix-Xewkija, Għawdex u f’nofs ix-xahar li għadda huwa wettaq serqa oħra fix-Xewkija minn ħanut taż-żebgħa (hardware store)

Ir-raġel kien akkużat ukoll li wettaq ħsarat fil-postijiet fejn wettaq is-serqiet, kif ukoll li laqa’ għandu diversi oġġetti misruqa. 

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech huwa wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. 

Is-sentenza mistennija tingħata aktar tard dan ix-xahar. 

Ekonomija

Sport