Monday, May 20, 2024

Il-Ministru Ian Borg iżur żoni fl-Ukrajna affettwati mill-aggressjoni Russa

Aqra wkoll

Fi Kyiv, ġewwa l-Ukrajna, bħala parti mill-ewwel żjara tiegħu bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy. Il-President Zelenskyy rringrazzja lil Malta tal-għajnuna li qed tagħti lill-Ukrajna. Saħaq li l-ħbiberija ta’ bejn il-pajjiżi qed tissaħħaħ iktar minn qatt qabel bis-sapport attiv ta’ Malta fil-Ukraine Peace Formula.

Għar-rigward tal-ħidma tal-OSCE fl-Ukrajna, il-President Zelenskyy talab l-għajnuna tas-CIO sabiex jiġu lokalizzati ċittadini detenuti ġewwa r-Russja, b’mod partikolari tfal Ukreni.

“Din l-ewwel żjara tiegħi bħala Chairperson-in-Office tenfasizza l-impenn determinat tagħna li, bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE u anke bħala Malta, il-kawża Ukrena tinżamm prijorità fuq l-aġenda internazzjonali,” stqarr il-Ministru Borg.

Il-Ministru Borg żar ukoll il-villaġġi Ukreni ta’ Borodyanka, Bucha u Gostomel, fejn flimkien mal-komunitajiet t’hemmhekk osserva l-effetti tal-aggressjoni Russa.

Bħala parti minn din iż-żjara inawgurali ġewwa l-Ukrajna, il-Ministru Borg iltaqa’ ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba fejn komplew jiddiskutu aktar fid-dettal il-ħidma mwettqa permezz tal-programm tal-OSCE għall-Ukrajna u fuq liema prijoritajiet l-awtoritajiet Ukreni jixtiequ li l-uffiċjali ta dan il-programm jiffukaw aktar biex ikun ta’ assistenza akbar għall-Ukrajna anke fir-riformi li għandhom pjanati għal futur.

Akkumpanjat mill-Ambaxxatur Marcel Peško, Rappreżentant Speċjali taċ-Chairperson-in-Office fl-Ukrajna, il-Ministru Borg kellu wkoll l-opportunità li jingħata preżentazzjoni tax-xogħol li qed jagħmlu l-uffiċjali tal-OSCE fl-Ukrajna u esprima l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.

Sport