Sunday, November 24, 2024

Raġel akkużat li abbuża sesswalment minn persuna b’diżabilità

Aqra wkoll

Raġel ta’ 66 sena tressaq il-Qorti llum fejn qed ikun akkużat li li abbuża sesswalment minn raġel li għandu diżabilità. Fil-Qorti r-raġel li s-sena l-oħra kien akkużat b’akkużi simili ġie deskritt bħala “theddida għas-soċjetà”.

Fil-Qorti ntqal li r-raġel wettaq l-att sesswali fuq raġel ieħor ta’ 22 sena u li ssoġettah għal intimità fiżika li ma kinitx mixtieqa filwaqt li kkawżalu ġrieħi ħfief.

Hu qed ikun akkużat fost l-oħrajn li offenda l-pudur u li kiser il-Probation Order li kien ingħata s-sena li għaddiet fuq każ differenti.

Wieħed mill-uffiċjali li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, l-Ispettur John Spiteri qal quddiem il-Qorti kif l-allegat vittma, sofra minn problemi psikoliġiċi u kien diġà ġie abbużat sesswalment meta kien għadu żgħir.

L-Ispettur Spiteri spjega li meta l-allegat vittma kien nieżel minn fuq tal-linja l-akkużat allegatament beda jaqbad miegħu u baqa’ jsegwih fejn kien sejjer.

F’mument minnhom u messlu l-parti privata tiegħu u anke l-warrani.
Spiteri kompla jgħid li l-vittma li spiċċa xxukjat u konfuż mar jagħmel rapport l-għassa tal-pulizija u anke kellu jittieħed f’berġa tas-Saħħa minħabba ġrieħi ħfief li sofra.

Għar-raġel li allegatament wettaq dan l-att, kien qed jidher l-avukat Franco Debono li min-naħa tiegħu qal li l-akkużat kien qed ibati minn mard mentali filwaqt li allega li l-vittma beda jinsulentah fejn offendih bil-ġenituri tiegħu.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi u wara li l-Qorti semgħet il-partijiet hekk kif saret talba għal ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet din it-talba minħabba n-natura serja tal-każ. Dan apparti l-fatt li l-allegat vittma għad irid jixhed. Il-Qorti qalet ukoll li qed tiċħad it-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba l-karattru tal-akkużat.

Sport