Il-Pulizija Griegi arrestaw ċittadin Afgan b’rabta mal-mewt ta’ mara Skoċċiża, li l-katavru tagħha nstab ġo bagalja f’bini abbandunat fiċ-ċentru ta’ Ateni. Elisabeth-Jane Ross, ta’ 38 sena – ħaddiema f’organizzazzjoni tal-karità li ħbiebha ddeskrivewha bħala “anġlu mimli innoċenza u tjubija” – kienet ilha l-Greċja kważi tliet ġimgħat meta huwa maħsub li mietet.
Sorsi tal-pulizija qalu li s-suspettat huwa ċittadin Afgan ta’ 26 sena li allegatament stqarr ir-reat. Huwa ittieħed għall-interrogazzjoni mid-diviżjoni tal-omiċidji tal-pulizija Griega nhar il-Ħamis li għadda, jumejn wara li l-katavru ta’ Ross kien ġie identifikat pubblikament.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ħadd, il-pulizija qalet li ġie arrestat ċittadin barrani ta’ 26 sena għal omiċidju intenzjonat, serq u ksur tal-liġi dwar l-armi.
Meta spjegaw l-akkuża dwar il-pussess ta’ armi illegali, uffiċjali tas-sigurtà qalu li fid-dar tal-allegat suspettat – li huwa joqgħod fiż-żona ċentrali ta’ Kypseli, fejn instab il-katavru – instabu diversi armi, uħud reali u oħrajn foloz”. Huwa mistenni jitressaq il-qorti f’dawn il-jiem.
Ross, li kellha rabtiet b’saħħithom mas-settur tal-karità fil-Greċja, hija bint avukat prominenti minn Edinburgh, il-belt fejn kienet tgħix hija ukoll.
Ġe rrappurtat li kellha ħbieb f’Kypseli kien proprju hemmhekk li, fit-18 ta’ Lulju, raġel li m’għandux dar skopra l-katavru tagħha f’post li darba kien jintuża bħala parkeġġ. Il-katavru kien imgeżwer f’biċċa drapp u mqiegħed ġo bagalja, li kienet tħalliet f’binja dilapidata u mimlija skart f’dak l-istess sit.
Sorsi qalu li l-fatt li s-suspettat allegatament uża karti tal-kreditu li kienu ta’ Ross għen lill-pulizija biex jidentifikawh. Huwa nqabad fuq il-kamera jirtira l-flus b’dawk il-karti tal-kreditu minn diversi ATMs.
Għal diversi jiem, l-investigaturi ma rnexxilhomx jagħmlu progress, minħabba n-nuqqas ta’ marki tas-swaba’ jew DNA fuq il-bagalja. Dak li kompla jżid mal-misteru kien il-fatt li l-mowbajl tagħha ntuża sal-mument meta l-katavru ġie identifikat pubblikament il-ġimgħa li għaddiet.
Il-pulizija ddeskrivew il-messaġġi b’test li ntbagħtu lil missierha u lil membri oħra tal-familja tagħha bħala messaġġi li kellhom l-għan li jqarrqu bihom apposta. Il-messaġġi kienu jsemmu l-ħtieġa tagħha li “tkun waħedha”.
Il-movimenti “mxerrda” ta’ din il-mara Brittanika fil-jiem ta’ qabel mewtha għamlu l-ħidma biex jinstab il-qattiel tagħha saħansitra aktar diffiċli.
Għadu mhux magħruf x’kienet il-kawża tal-mewt ta Ross iżda rapporti fil-midja kkwotaw lis-suspettat jgħid lill-pulizija li meta żar l-appartament f’Exarchia sab il-katavru tagħha fil-kamra tal-banju.
Matul l-investigazzjoni, l-awtoritajiet Griegi ħadmu mill-qrib man-National Crime Agency (NCA) tar-Renju Unit u mal-Pulizija tal-Iskozja.





