Sunday, December 22, 2024

Raġel Awstraljan imut wara li spiċċa midfun fir-ramel

Aqra wkoll

Raġel Awstraljan miet wara li spiċċa midfun taħt ir-ramel fuq bajja. 

Is-Sibt li għadda, Josh Taylor kien f’kampeġġ fuq il-Bribie Island ta’ Queensland meta waqa’ f’toqba li kien irrapportat li kienet tħaffret biex jinqela’ ħanżir.

Taylor, li kellu 23 sena, ittieħed l-isptar b’ajruplan ftit wara l-inċident iżda sfortunatament tilef ħajtu minħabba l-ġrieħi estensivi li kellu.

L-awtoritajiet għadhom qegħdin jinvestigaw iċ-ċrkostanzi li wasslu għall-mewt tiegħu. 

Il-Pulizja fi Queensland qalet fi stqarrija li kien hemm għadd ta’ persuni li kienu preżenti fuq il-post u li għad iridu jiġu mitkellma mill-pulizija. 

Taylor kien iħobb jiffrekwenta din il-gżira Awstraljana, li hija popolari sew għall-kampeġġi. Kien irrapportat li 15-il persuna għenu sabiex iż-żagħżugħ jinħareġ minn fejn kien u ngħata s-CPR mir-rangers li kienu fuq il-post sakemm waslu l-paramediċi.

Matul il-jum tal-Ħamis, il-familjari ta’ Taylor iddeskrivewh bħala “l-aqwa iben, sieħeb u ħabib li persuna qatt jista’ jkollu” u li se jkunu qegħdin jimmissjawh ħafna.

Ekonomija

Sport