Sunday, November 24, 2024

Raġel bi problema tad-droga mixli b’serqa minn residenza fix-Xgħajra

Aqra wkoll

Raġel tilef il-libertà li kiseb taħt sitt digrieti ta’ ħelsien mill-arrest wara l-allegat involviment tiegħu f’serqa minn residenza privata. Fost l-oġġetti misruqa kien hemm arloġġ Rolex li jiswa €17,000.

Juanito Jimenez ta’ 29 sena li jaħdem fil-kostruzzjoni, kien arrestat fit-22 t’April li għadda, ħamest ijiem wara li seħħet serqa minn residenza fix-Xgħajra, għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Jidher li l-imputat u allegat kompliċi ieħor kienu ilhom jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni biswit ir-residenza fejn seħħet is-serqa. Filmati tas-CCTV urew liż-żewġ ħaddiema sejrin lejn ir-residenza u jħabbtu mal-bieb ta’ barra.

Aktar tard, ir-raġel l-ieħor deher jidħol fil-post min-naħa ta’ wara u jaħrab b’xi ħaġa f’idejh. Iż-żewġt irġiel imbagħad għamlu xi ħin barra u wara daħlu f’maisonette li kien qed jinbena.

“Il-movimenti tagħhom inqabdu fuq filmati tas-CCTV,” qal l-Ispettur Joseph Mercieca li mexxa l-Prosekuzzjoni. Is-suspettat l-ieħor diġà tressaq il-Qorti u weħel sentenza ta’ priġunerija wara li ammetta s-serqa.

Dan tal-aħħar kien qal lill-pulizija dwar arloġġ Rolex li nsteraq u li kien għaddieh lil Jimenez. L-istess Jimenez meta tressaq il-Qorti wieġeb mhux ħati ta’ serq aggravat u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat. Intqal li r-raġel għandu problema tad-droga, u skont kif ammetta huwa stess, kellu bżonn bejn €400 u €500 kuljum għall-kokaina.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba fid-dawl tan-natura tal-akkużi, iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-ksur tal-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Alfred Abela u Renè Darmanin dehru għall-imputat.

Sport