Friday, May 3, 2024

L-FSWS tiċċelebra l-25 anniversarju

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) iċċelebrat l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha, u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan it-tragward, ittellgħet konferenza bit-tema ‘The Welfare State and Welfare Services: Present Challenges and Future needs’.

Konferenza illi matulha ngħatat ħarsa lejn il-ħidma estensiva li saret mill-fondazzjoni tul dawn l-aħħar 25 sena ta’ servizz. Għajnuna ta’ kwalità u mogħtija fil-ħin, sabiex tgħin persuni li jfittxu l-għajnuna tagħha jieħdu rajhom f’idejhom biex isiru persuni responsabbli, produttivi u integrati fis-soċjetà u li jagħtu valur lill-ħajja bħala riżorsa li twassalhom biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.​

Waqt din il-konferenza, kien spjegat kif sar investiment massiċċ fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal, kwistjonijiet familjari, vizzji u l-vjolenza domestika, fost oħrajn. Matul is-snin il-FSWS kompliet tikber u s-servizzi tagħha bdew jiffjorixxu u jiġu adattati skont t-tendenzi u l-bżonn li turi s-soċjetà.

B’mod kruċjali, is-servizzi kollha offruti f’Malta issa huma offruti wkoll f’Għawdex. Dan hekk kif f’Ġunju tas-sena 2018, is-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali waqqfu direttorat f’Għawdex biex jassiguraw li s-servizzi tagħha għal persuni vulnerabbli jingħataw ukoll f’din il-gżira.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal illi llum il-FSWS għandha baġit ta’ €30 miljun u timpjega madwar 1,000 persuna. Mat-80% huma professjonisti minn diversi dixxiplini psiko-soċjali li jagħmlu xogħol dirett ma’ bosta nies fosthom mat-22,077 persuna li fittxew l-għajnuna tal-fondazzjoni s-sena li għaddiet.

Dawn il-professjonisti jaħdmu fi tliet aġenziji u tliet direttorati li huma: l-Aġenzija Appoġġ, l-Aġenzija Sedqa, l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità (ACTS), id-Direttorat għal Għawdex, id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, mill-kelliema għall-Oppożizzjoni David Agius u Ivan Bartolo, kif ukoll mis-Senatur Taljan Matteo Renzi.

Sport