Friday, April 19, 2024

L-istrajk ġenerali tal-1958… battalja f’Raħal il-Ġdid…mal-100 ħaddiema attivisti arrestati

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħal-lum fis-sena 1958 il-General Workers’ Union kienet ordnat strajk ġenerali wara li ġimgħa qabel il-Gvern ta’ Duminku Mintoff kien irriżenja, peress li l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji minn mas-servizzi Ingliżi.

Għall-ewwel darba, il-ħaddiema organizzaw ruħhom fl-akbar unjin tal-pajjiż u taw sinjal li ma kinux lesti jaċċettaw min jilgħab mad-destin u mal-għajxien tagħhom. Fl-istess waqt, dan l-istrajk kien mument ta’ prova għall- GWU peress li bħala unjin kienet għadha fiż-żgħożija tagħha.

Dakinhar tal-istrajk, il-ħaddiema niżlu fit-toroq, mhux biss biex jiġġieldu għad-dritt tax-xogħol, iżda wkoll għall-ħelsien ta’ pajjiżhom. L-Ingliżi bdew jheddu li jagħtu s-sensji lill-impjegati ta’ mas-servizzi u li jagħlqu t-Tarzna li kienet tħaddem iżjed minn 12,000 persuna. Ir-riżoluzzjoni tal-GWU, li kienet għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali u li permezz tagħha l-ħaddiema ssejħu għal jum ta’ strajk ġenerali u jum ta protesta kienet tgħid hekk: “il-kriżi ġiet preċipitata mill-Gvern Brittanniku li bħal żminijiet oħra fl-imgħoddi ma għarafx jonora l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti.”

Kien il-Ġimgħa 25 ta’ April li l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU ltaqa’ b’urġenza filgħodu qabel ma filgħaxija fuq il-fosos, kif kien diġà ppjanat, kellha tlaqqa’ f’mass meeting lill-ħaddiema. Il-mass meeting intlaqat minn proklama tal-Gvernatur li ma ħallietx li jsiru laqgħat pubbliċi fil-Belt u fil-Floriana. Minħabba f’hekk, marret delegazzjoni għand il-Gvernatur biex jinstab post alternattiv għall-meeting. Il-Gvernatur qabel li l-meeting isir il-Ħamrun iżda ma ssirx dimostrazzjoni wara.

Kien wara din l-aħbar li l-President tal-GWU ta’ dak iż-żmien, Joe Borg ressaq il-mozzjoni li baqgħet imniżżla fl-istorja ta’ pajjiżna. Din kienet titlob li t-Tnejn, 28 ta’ April 1958 jiġi organizzat strajk ġenerali ta’ protesta. Din il-mozzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Nazzjonali.

Waqt il-mass meeting kien hemm mumenti ta’ tensjoni fejn stakkament ta’ Pulizija deher jidħol fost in-nies. Din l-azzjoni dehret bħala provokazzjoni u bħala attentat biex jitħarbat il-meeting. Kif bdiet teskala s-sitwazzjoni, il-Pulizija ġew irtirati u kollox reġa’ għan-normal.

Il-Gvern Brittanniku beda jaħdem mal-ewwel biex jevita li jseħħ l-istrajk. Fost l-oħrajn, saret pressjoni fuq l-unjin tat-trasport biex it-trasport pubbliku ma jiqafx. Sar ukoll theddid lill-ħaddiema taċ-ċivil u agħar minn hekk kien hemm attentati biex il-GWU ma tkunx tista’ xxandar fuq ir-redifussion l-avviżi bid-dettalji dwar l-istrajk.

Ma’ tmiem il-ġurnata, il-ħaddiema semgħu mid-direttivi tal-GWU u rritornaw djarhom. L-effetti tal-istrajk baqgħu għaddejjin hekk kif il-Pulizija bdiet tarresta lil dawk li kellha provi li ħadu sehem fl-istrajk. Kien hemm mal-mitt persuna li peress li obdew id-direttiva tal-istrajk u ddefendew l-interessi ta’ ħuthom il-Maltin, spiċċaw ikkundannati l-ħabs. Il-parti l-kbira kienu żgħażagħ, fosthom l-uffiċjali tal-GWU Vincent Esposito, Gerry Zammit, Francis Grech, Joseph C. Saliba, Joseph C. Scerri u Patrick. Magħhom kien hemm ukoll il-Ministri Laburisti Agatha Barbara u Berty Hyzler. Irid jingħad li dan kollu mhux biss wassal biex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema, iżda anke ħalla effett politiku li wassal lil pajjiżna lejn it-triq tal-Indipendenza

Dak inhar tal-istrajk ġenerali… l-attivisti jippjanaw biex iwaqqfu it-trasport pubbliku

L-attivisti bdew iqisu li waħda mill-akbar theddidiet kontra s-suċċess għall-istrajk ġenerali kienet dik li l-karozzi tal-linja jaħdmu. L-attivisti ħasbu għal dan. L-għan kien li prattikament jekk is-servizz jaħdem, dan irid jiġi mfixkel jew imwaqqaf. L-idea kien li jixxerred iż-żejt fit-toroq. Hawn tinqala’ problema dik ta’ minn feint kien se jinġab dak iż-żejt. Ma tantx damu jaħsbu wisq sakemm waslu għall-konklużjoni li ż-żejt kellu jinsteraq mingħand il-Boom Defence.

Irnexxielhom jirranġaw biex minn fuq bastiment jieħdu xi tankijiet imdaqqsa mimlijin biż-żejt. Iż-żejt tħalla fuq vapur żgħir u l-għada kmieni filgħodu eżattament fil-jum tal-strajk marru għalih. Għabbewh u telqu bih lejn żona li kienu identifikaw, dik ta’ salib it-toroq li jagħti mill-Marsa lejn Raħal il-Ġdid. Huma ferrxu ż-żejt mat-triq kollha u qagħda jistennew ħalli jaraw jekk il-karozzi tal-linja jaħdmu.

Attivist tal-GWU li sa l-aħħar ta’ ħajtu baqa’ attiv fil-GWU, kien spiss jirrakkonta dak li għamel f’dan l-istrajk. Kien ukoll wieħed mill-protagonisti. Dan kien Ċensu Esposito. Dakinhar hu kien qagħad idur fl-inħawi tal-Marsa – żona mill-aktar importanti. Il-ħidma tiegħu kienet li jdur postijiet tax-xogħol kruċjali biex ikun ċert li l-pickets ikunu kollha f’posthom. Esposito midħla sew tal-port minħabba ix-xogħol tiegħu, ra li anke fejn il-magni tad-dqiq kulħadd kien f’postu. Niftakru lil Ċensu jirrakkonta kif il-port kien litteralment paralizzat meta s-soltu kien ikun mimli ħajja.

Il-laneċ kienu wieqfa bla ħaddiema. Anki d-dgħajjes tat-trasport li jieħdu ħaddiema mit-tlett ibliet, lejn il-Belt u s-servizz lejn tas-Sliema kienu weqfin.

Sa minn kmieni ħafna filgħodu bdew isiru kuntatti ħa jaraw jekk il-karozzi tal-linja kinux se jaħdmu. L-indikazzjonijiet li bdew jingħataw kienu dawk li dan is-servizz kien se jaħdem. Is-servizz kien jibda kmieni filgħodu u filfatt, minn xi żoni mas-sebħ bdew jidhru karozzi tal-linja għaddejjin.

L-attivisti kienu konxji li jekk jaħdmu tal-linja, jiġi affettwat bil-kbir is-suċċess tal-istrajk. Id-dehra ta’ xi karozzi għaddejjin bdiet toħloq għadab fost l-attivisti.

Il-qiegħda kienet bdiet tisħon sew f’Raħal il-Ġdid, tant li meta xi attivisti raw l-karozzi tal-linja jaħdmu, twaddbet ġebla lejn karozza tal-linja u kissritilha ħġieġa. Il-karozza waqfet u l-passiġġieri inħarġu mill-karozza. Ġara li l-attivisti u dawk preżenti iddeċidew li l-karozzi tal-linja kellhom jitwaqqfu. Filfatt hekk ġara, u l-karozzi tal-linja bdew jieqfu iniżżlu l-passiġġieri u ma jkomplux bil-vjaġġ.

Intant iż-żejt mitfugħ f’salib it-toroq fil-Marsa kellu l-effett tiegħu. Dan għax l-ewwel li ma skidjaw fuqu kienu muturi tal-militar. Il-karozzi tal-linja li kienu għaddejjin minn hemm raw iż-żejt u waqfu. Bdew ġejjin ukoll karozzi tal-militar b’xi wħud minnhom spiċċaw skiddjaw u anke weġġgħu xi sewwieqa.

Apparti dan it-telgħa ta’ Raħal il-Ġdid kien imblukkata bil-barrikati komposti minn ġebel, terrapien u strutturi mdaqqsa tal-ħadid li kien tħallew fil-ġenb tat-triq.

Fil-mina ta’ Bormla, l-attivisti ukoll iddeċidew li jwaqqfu it-trasport pubbliku. Hemmhekk mhux biss xerrdu mal-art żejt tal-karozzi imma anke għamlu l-barrikati, tant li l-mina spiċċat imblukkata.

F’naħa oħra ta’ Malta jiġifieri il-Gżira fejn hemmhekk ukoll kien hemm għadd ta’ attivisti, ukoll kien hemm tħassib minħabba l-karozzi tal-linja. Dawn dehru li qegħdin jaħdmu. L-attivisti bdew jaraw x’se jagħmlu. Kien tank taż-żejt ħdejn pompa tal-petrol li hemm li offrielhom is-soluzzjoni. Qalbu it-tank għal nofs it-triq u bdew jimbuttawh sakemm dan tbattal.

Tkun xarabank mimlijia bil-Pulizija li tiskiddja

L-istesss bħal Marsa l-attivisti intefgħu fil-qrib ħa jaraw ir-riżultat. Ma damitx ma dehret ġewwa karozza tal-linja mimlija bil-Pulizija. Jidher li kien sejrin lejn Tas-Sliema. Is-sewwieq ma indunax biż-żejt mal-art. Il-karozza skidjat u spiċċat tħares fid-direzzjoni opposta. Ix-xufier telaq lura minn fejn kien ġie.

Ftit ħin wara mutur tal-militar skiddja fuq l-istess żejt u l-mutur ħa n-nar. Is-sewwieq kien litteralment tar minn fuq il-mutur. Kif qam, jidher li pprova jersaq lejn il-mutur. L-attivisti għamlulu sinjal biex ma jersaqx ‘lhemm u kien hawn li hu induna li kien kollu mċappas biż-żejt peress li kien waqa’ ma’ l-art u għalhekk seta’ anke hu jieħu n-nar jekk jersaq lejn il-mutur.

F’Ħaż-Żabbar jintefa’ ġebel lejn il-karozzi Tal-linja

F’Ħaż-Żabbar, id-dehra ta’ karozzi tal-linja fil-pjazza għaddbet lin-nies, tant li dawn daru għalihom u waddbulhom il-ġebel. Tista’ tgħid li l-ħġieġ kollu ta’ dawn il-karozzi tkisser.

L-iskejjel kienu battala

Ma kienx hemm dubju li s-servizz tar-rediffussion sa mill-ġurnata ta’ qabel kien qed jagħti l-impressjoni li kollox kien se jkun normali bħas-soltu. Anki fejn tidħol l-iskola. Kien qed jagħti l-impressjoni li kollox kellu jkun normali. Fil-fatt, ħafna skejjel kienu spiċċaw litteralment battala għax il-ġenituri ma bagħtux lil uliedhom.

Id-dimostranti b’kontroll fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Aktar ma beda jgħaddi l-ħin aktar il-qiegħda bdiet tisħon. Kellek sitwazzjoni fejn fin-naħa t’isfel ibda mill-Marsa, Raħal il-Ġdid, il-Kottonera u Ħaż-Żabbar, il-kontroll kien kollu f’idejn id-dimostrazzjoni. Il-port l-istess.

Ġara li gruppi ta’ attivisti minn Raħal il-Ġdid niżlu lejn il-Menqa fil-Marsa. Hemmhekk kien hemm jeep b’xi suldati Ingliżi. Attakkawhom u s-suldati ħarbu minn fuq il-post. L-attivisti infexxew ikissru l-karozza.
Kien f’dan il-mument li dehru resqin skattamenti imdaqqsa ta’ Pulizija.

Il-Pulizija tipprova tieħu kontroll

Id-dehra tal-Pulizija resqin lejn il-barrikati li kienu, wasslet biex diversi attivisti bdew jaqtgħu il-wajers tar-redifussion, li kien hemm mal-arbli fit-telgħa ta’ Raħal il-Ġdid.

L-istakkamenti tal-Pulizija ippruvaw jieħdu mill-ġdid il-kontroll f’Raħal il-Ġdid kemm bi stakkament minn naħa tat-telgħa ta’ Raħal il-Ġdid kif ukoll minn naħa ta’ Ħal Tarxien.

Filfatt minn Ħal Tarxien kienet tfaċċat karozza tat-tifi tan-nar u din bdiet iddur u sserrep fil-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid fil-għan li tgerrex lin-nies. Wara xi ħin il-karozza tat-tifi tan-nar telqet.

Il-battalja f’Raħal il-Ġdid

Hekk kif l-istakkament ta’ Pulizija beda riesaq lejn il-barrikati, l-attivisti li kien hemm bdew jitfgħu fuqhom xita ta’ ġebel. Il-Pulizija bi stakkament qawwi komplew javvanzaw. Raħal il-Ġdid spiċċa litteralment assedjat.

Peress li s-sitwazzjoni ħraxet, il-Pulizija bdew isawwtu lin-nies bil-lembubi, kemm jekk in-nies kienu rġiel, kif ukoll jekk kienu tfal. Is-sitwazzjoni f’Raħal il-Ġdid kienet waħda fejn bil-kunflitt li kien hemm kien diffiċli tidħol f’art il-ġdid u diffiċli ukoll toħroġ minnu.

L-aħbar ta’ dik li ssejħet bħala il-“Battalja ta’ Raħal Ġdid” bdiet tiġri ma’ Malta kollha u immedjatament kien hemm reazzjoni mill-ħaddiema. Ġew attakkati u maħruqin l-għases ta’ Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar u Bormla. Vetturi tal-Pulizija nħarqu jew inkella ntefgħu l-baħar, filwaqt li fil-Marsa l-ħaddiema żvugaw ir-rabja b’attakki bil-ġebel lejn is-suldati Ingliżi.

Wara dak li seħħ, kien inħarġu żewġ proklami li bihom kien ipprojbit li jsiru dimostrazzjonijiet u meetings pubbliċi madwar Malta kollha għal tlett xhur.

‘Il-poplu Malti jobdi lill-GWU u mhux lill-gvernatur’… messaġġi stampati li nħarġu mill-Union Press

F’dik il-ġurnata stess kienet saret konferenza stampa mill-Logutenent Gvernatur Trafford Smith. Fil-konferenza stampa, hu kien ġie mistoqsi dwar messaġġi stampati li kienu nħarġu mill-Union Press u dawn kienu jgħidu ‘Il-Poplu Malti jobdi lill-GWU u mhux lill-gvernatur’. Il-Gvernatur kien wieġeb għal dan billi ddeskriva dawk il-messaġġi bħala perikolużi u li kienu intiżi biex joħolqu it-tixwix.

L-Arċisqof Gonzi joħroġ stqarrija…. ’ħassarna l-laqgħa tas-soltu fuq il-fosos’

Quddiem dak li seħħ, fit-30 ta’ April, ħarġet proklama ġdida li ddikjarat ‘Stat ta’ Emerġenza’. Din kienet tfisser li l-Kostituzzjoni kienet sospiża u l-gvernatur kien qed jieħu l-poteri kollha tal-Istat f’idejh. M’hemmx dubju li din kienet konferma oħra ta’ kemm is-sitwazzjoni kienet waħda ta’ tensjoni u li turik li l-istrajk kellu l-effett tiegħu.

L-Arċisqof Gonzi kien ħass li kellu joħroġ stqarrija wara dak li seħħ fl-istrajk ġenerali.

Hu kien iddikjara hekk “Għeżież Uliedi Maltin. Wara dak li ġara lbieraħ it-Tnejn, f’diversi postijiet ta’ Malta, inħossu li bħala missier spiritwali tal-Maltin għandna nsemmgħu leġinna kif għamilna dejjem f’mumenti solenni għal Malta bħal dan ta’ issa.”

“Aħna ma jimpurtaniex mill-politika bħala politika u ma nindaħlux fiha ħlief meta l-politika tersaq lejn l-altar, imma jimpurtana bħala Arċisqof tagħkom, mill-moralità u l-ġid kemm materjali u spiritwali ta’ uliedna. Aħna diġà kellna l-okkażjoni nagħmlu appell lil kull min hu responsabbli biet ifittxu li jikkalmaw dik is-sezzjoni tal-popolazzjoni li kienet qiegħda tagħmel ċerti dimostrazzjonijiet, biex dawk id-dimostrazzjonijiet ma jeħdux xejra perikoluża u ma jkollhomx konsegwenzi koroh b’dannu ta’ l-individwi u tal-familji. Imma jiddispjaċina ngħidu li l-vjolenza flok naqset, żdiedet u nibżgħu li dak li ġara lbieraħ jista’ jerġa’ jiġri, anki b’konsegwenzi aktar koroh għal kulħadd”.

“Biex nevi taw kull okkażjoni ta’ inkwiet aħna ħassarna l-laqħga li s-soltu ssir fuq il-Fosos tal-Furjana fl-ewwel ta’ Mejju u ordnajna li minflokha issir quddiesa għad unur San Ġużepp Ħaddiem. Nittamaw li dik il-ġurnata konsagrata llum mill-Knisja lill-protettur tal-ħaddiema, ma tkunx profanata minn ħaddiema Kattoliċi f’Malta Kattolika, b’konsegwenzi li ħadd ma jixtieqhom”.

“Għeżież uliedi, ir-raġunijiet tagħna neħduhom bil-ħaqq u bil-ftehim u bit-talb ‘l Alla, kif diġa ordnajnielkom biċ-ċirkolari tas-16 ta’ April u mhux bil-vjolenza. Aħna bħala għassiesa tal-moralità fl-Arċidjoċesi ta’ Malta ma nistgħux ma nikkundannawx bil-qawwa kollha l-vjolenza, li hi kkundannata minn Alla nnifsu fil-ħames kmandament u nirrikmandaw b’qalbna kollha l-ordni, il-kalma u l-ubbidjenza. Nerġgħu għalhekk nagħmlu l-appell minn qalbna lil kull min għandu influenza fuq il-poplu biex jordnaw il-kalma u jimpedixxu l-vjolenza. Infakkrukom fir-responsabbilità tremenda li għandkom quddiem Alla u quddiem is-soċjetà f’siegħa bħal din, li għaddejjin minnha. Isimgħu mill-kelma ta’ min dejjem xtaqilkom il-veru ġid.”

Sport