Skont rapporti fil-midja barranija, ir-raġel ta’ 26 sena min-Nepal, li mar joqgħod f’Tasmania fl-2015, kien qed jaħdem f’Hobart bħala xufier tal-kunsinna tal-ikel fl-2021 meta seħħ l-inċident.
Għodwa fost l-oħrajn, meta r-raġel spiċċa mix-xogħol saq lejn Rosny Park u wara li ħaseb li ma kien hemm ħadd fil-viċin, beda bl-allegat att.
Madankollu, ftit wara kien avviċinat minn ħaddiem tal-kunsill li mar biex javżah li ma setax jipparkja hemmhekk. Kif ħabbatlu mat-tieqa, malajr induna li r-raġel kien espost u talbu jitlaq.
Wara li nqabad, ir-raġel kien sfurzat jagħmel valutazzjoni tar-riskju mill-Komunità Korrettiva ta’ Tasmania (CCT) biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm probabbiltà li jerġa’ jagħmel ir-reat.
Skont l-analiżi li saret instab li r-raġel kien f’riskju medju li jerġa’ jirrepeti r-reat u dan jista’ jwassal biex saħansitra jitqiegħed fir-reġistru ta’ trasgressuri sesswali. Jekk jiġri hekk, ir-raġel jista’ jiffaċċja deportazzjoni.
Madankollu d-difiża tar-raġel, immexxija minn Dinesh Loganathan talbet żewġ Psikologi Kliniċi biex jeżaminaw lill-klijent. Dr Grant Blake u Dr Emma Collins ċaħdu r-rapport tas-CCT u sabu li hemm riskju baxx li r-raġel jerġa’ jirrepeti r-reat. Intant aktar kmieni din il-ġimgħa d-difiża qalet li minkejja din il-valutazzjoni tas-saħħa psikoloġika maħruġa minn żewġ professjonisti tal-kura tas-saħħa, is-CCT irrifjuta li jbiddel il-pożizzjoni tiegħu. Fir-reazzjoni tagħhom, il-Psikologi saħansitra allegaw li l-valutazzjoni tar-riskju kienet immexxija minn amministrazzjoni difettuża.
Il-liġijiet tad-deportazzjoni tal-Awstralja huma fost l-aktar stretti fil-pajjiżi tal-Punent.
Skont rapport f’The Guardian, minn meta l-gvern Federali introduċa t-Taqsima 501 tal-Att dwar il-Migrazzjoni fl-2014 – li biha dawk li ma jkunux ċittadini jistgħu jiġu rrifjutati milli tinħarġilhom l-Visa jekk ma jgħaddux minn ‘test tal-karattru’ – madwar 10,000 persuna ġew deportati.
Fl-2019, il-gvern saħħaħ dawn il-liġijiet billi żied taqsima ġdida ta’ ‘reati magħżula’, li rat aktar migranti jeħlu milli jilħqu l-kriterji meħtieġa biex jingħataw il-visa.
Skont l-istess rapport, bejn l-2020 u l-2021, mad-950 persuna ġew imċaħħda milli tinħarġilhom visa minħabba dawn il-kriterji. Skont informazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tal-Affarijiet Interni, l-aktar reati komuni li wassal biex tiġi mċaħħda l-Visa kienu dawk relatati ma’ droga.