Roderick Bellizzi, ta’ 36 sena minn Birkirkara ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li hedded koppja permezz ta’ messaġġi fuq Whatsapp.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Bellizzi kien qiegħed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzjonjiet fid-dar tal-koppja meta nqala’ argument bejn il-partijiet dwar id-dewmien tax-xogħol li wassal lill-akkużat jhedded lill-mara u lir-raġel.
Il-Pulizija talbu lill-Qorti biex ir-raġel jingħata ordni ta’ trattament u tinħareġ ordni ta’ trattament fil-konfront tiegħu.
Id-difiża qalet li r-raġel li jmexxi kumpanija tal-manutenzjoni kien ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. L-avukat tad-difiża qalet ukoll li ordni ta’ trattament se tgħin lir-raġel għax bħalissa jinsab għaddej minn żmien ħażin f’ħajtu tant li qiegħed taħt il-kura ta’ psikjatra. Intqal ukoll li Bellizzi ilu mill-inqas xitt xhur ma jaħdimx minħabba li ħarġitlu kundizzjoni li waslitlu għal mard ta’ saħħa mentali.
Il-Maġistrat Grima poġġiet lil Bellizzi taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius waqt li għal Belizzi dehret l-Avukat Yanica Barbara Sant.