Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest b’monitoraġġ elettroniku wara li ġie arrestat b’rabta ma’ allegat inċident domestiku li fih deher f’filmat jiġbed lill-eks sieħba tiegħu minn xagħarha u jkaxkarha minn gallarija għal ġo kamra tas-sodda.
Raġel ta’ 22 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli b’reati relatati mal-vjolenza domestika, fosthom li volontarjament ikkaġuna ħsara ta’ natura ħafifa fuq l-eks sieħba tiegħu, li ħebb kontriha sabiex jinġurjaha, idejjaqha jew jagħmillha l-ħsara, li heddidha jew ipprovokaha, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fl-2023 u x-xahar li għadda.
L-inċident ħareġ fil-beraħ fis-6 ta’ Novembru, meta l-Kunsill Lokali tal-Isla rċieva filmat mingħand ġar tal-akkużat u tal-allegata vittma. Fil-filmat jidher li r-raġel qabad lill-mara minn xagħarha u kaxkarha mill-gallarija għal fuq sodda. Jidher ukoll li bejn it-tnejn inqala’ argument, li matulu r-raġel allegatament aggredixxa lill-mara, filwaqt li din tidher tgara xi oġġetti lejh.
Il-kunsill informa lill-pulizija, madankollu l-allegata vittma la għamlet rapport lill-pulizija u lanqas marret tagħmel ċertifikat mediku.
Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija, l-akkużat sostna li l-mara kienet riedet taqbeż mill-gallarija għax riedet tieħu d-droga. Stqarr li huwa pprova jwaqqafha, iżda s-sitwazzjoni eskalat.
Ir-raġel eventwalment ġie arrestat fl-10 ta’ Novembru, wara li ppreżenta ruħu għand il-pulizija, meta sar jaf li kienu qed ifittxuh.
L-Ispettur Colin Sheldon sostna li waqt li kien fil-lock-up, l-akkużat kien qed jipprova jagħmel ħsara lilu nnifsu, u għalhekk ittieħed l-isptar.
Sussegwentement inħeles mill-isptar u tressaq il-qorti.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri. L-avukati tad-difiża argumentaw li ma kienx ġust li l-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest meta l-allegata vittma ma kinitx għamlet rapport lill-pulizija, jew għaddiet minn valutazzjoni tar-riskju, u lanqas kienet kisbet ċertifikat mediku.
Irriżulta wkoll li l-mara kienet stess taħt arrest talli allegatament kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u kellha vizzju tad-droga. L-akkużat sostna li kien qed jipprova jwaqqafha milli tieħu d-droga. Ir-relazzjoni bejn it-tnejn kienet intemmet.
Id-difiża rrimarkat li l-akkużat għandu xogħol stabbli u indirizz fiss, fejn jgħix ma’ ommu.
Il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €10,000, bil-kundizzjoni li jkun suġġett għal monitoraġġ elettroniku.
Il-Maġistrat tal-Għassa Franco Agius ordna wkoll li l-akkużat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, josserva ħin ta’ rinkażar bejn it-8:30pm u l-5:30am, kif ukoll joqgħod għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal perjodu ta’ ħames snin.
L-Ispettur Colin Sheldon mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Nicholas Mifsud u Nicole Falzon dehru għall-akkużat.
