Monday, August 3, 2026
Home Internazzjonali Raġel jinqatel minn iljun wara li allegatament ipprova jisraq frieħ rari minn...

Raġel jinqatel minn iljun wara li allegatament ipprova jisraq frieħ rari minn zoo fil-Ghana

0
702

L-awtoritajiet ġewwa l-Ghana qegħdin jinvestigaw il-każ ta’ raġel li safa maqtul minn iljun hekk kif kif tal-ewwel daħal f’żona magħluqa ġewwa zoo fil-kapitali Accra. Ir-raġel, li kien deskritt bħala ta’ mezz’età, miet kawża tal-ġrieħi li sofra. L-awtoritajiet respon­sabbli minn dan iz-zoo qed jgħidu li dan ir-raġel aktarx ipprova jisraq żewġt ifrieħ ta’ ljuni li huma rari ħafna, liema frieħ qegħdin ikunu ta’ attrazzjoni kbira f’dan iz-zoo partikolari. Dawn il-frieħ twieldu f’Novembru li għadda. 

Min-naħa tagħhom, il-pulizija fetħu investigazzjoni biex ikun magħruf eżatt il-motiv ta’ dan ir-raġel u anke iċ-ċirkostanzi ta’ dan l-attakk. L-uffiċjali qalu li biex daħal f’din iż-żona, dan ir-raġel kellu l-ewwel jitla’ ma’ fence li kien għoli għaxar piedi, imbagħad ma’ ieħor li hu għoli għoxrin pied. 

Dan ir-raġel jidher li daħal f’parti li fiha kien hemm iljun, iljuna u l-frieħ tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, il-Viċi Ministru għall-Arti­jiet u r-Riżorsi Naturali Benito Owusu Bio qal li meta l-iljuni jkollhom il-frieħ dawn ikunu fuq allert u għalhekk kulmin jersaq ħdejhom irid joqgħod attent hekk kif dawn jaħsbu li se jitteħdulhom. Bio ħeġġeġ lill-pubbliku biex jevita li jagħmel affarijiet bħal dawn.