Tuesday, September 24, 2024

Raġel li raqad fuq scaffolding jgħid li kisser ħġieġa ta’ knisja b’mod aċċidentali

Aqra wkoll

Raġel mingħajr saqaf fuq rasu li jinsab mixli b’attentat ta’ serq sostna mal-pulizija li huwa aċċidentalment kien kisser ħġieġa tal-knisja waqt li kien rieqed fuq scaffolding li kien hemm armat mal-Knisja tat-Trinità fil-Marsa. Huwa żied jgħid li qatt ma kellu l-intenzjoni li jisraq mill-knisja.

Hossam Amgad Annwar Aly Elnily ta’ 26 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ attentat ta’ serq u li għamel ħsara volontarja fil-proprjetà ta’ terzi. Huwa kien arrestat l-Erbgħa, għall-ħabta tat-8.30 p.m., wara li l-pulizija kienu infurmat li nstema’ ħoss qawwi ta’ ħġieġ jnkiser.

Il-Pulizija kienu lemħu lil Elnily fuq l-iscaffolding u ntalab biex jinżel. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, spjegat fil-Qorti li l-ħġieġa tkissret fiċ-ċentru tagħha u deher pjutttost improbabbl li l-ħsara kienet waħda aċċidentali.

Sussegwentement, l-imputat ġie interrogat fejn saħaq li huwa kien ilu jorqod fuq l-iscaffolding għal dawn l-aħħar jiem sabiex filgħodu jkun lest għax-xogħol. Huwa qal lill-pulizija li kien qed jagħmel xogħol ta’ kisi mal-faċċata tal-knisja. Iżda meta l-pulizija ċċekkjaw din l-informazzjoni sabu li x-xogħol fil-fatt lanqas kien għadu beda.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li huwa m’għandux indirizz fiss u mhuwiex bniedem affidabbli. Intqal ukoll li r-raġel kien diġa’ nstab ħati b’rabta ma’ serq mill-knejjes.

Wara li semgħet is-sottomissjonjiet taż-żewġ naħat, il-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Sport