Sunday, May 19, 2024

Sid mhux se jkun jista’ jirreġistra aktar minn 6 persuni f’post wieħed

Regolamenti biex jikkontrollaw l-ammont ta' persuni f'residenza

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ippreżenta numru ta’ emendi fil-liġi dwar il-krijiet residenzjali privati li l-iskop tagħhom huwa li fost oħrajn ikun regolat in-numru ta’ persuni li jistgħu jabitaw f’residenza.

Fil-fatt, waħda mill-emendi ewlenin hi li issa se jibda jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni ta’ ftehimiet relatati ma’ spazji residenzjali kondiviżi jew kwalunkwe kirjiet residenzjali privati li fihom aktar minn familja waħda tkun qed tikri l-istess proprjetà hi konformi mal-leġiżlazzjoni tal-ippjanar li tistabbilixxi l-parametri ta’ kif dar tista’ tintuża f’Malta u Għawdex.

F’dan il-każ, kull meta jinstabu diversi kerrejja li ma jkunux mill-istess unità tal-familja jokkupaw l-istess dar ta’ abitazzjoni, l-ammont ta’ kerrejja ma jistax jaqbeż in-numru ta’ persuni speċifikati fil-liġi tal-ippjanar – li hi ta’ sitt individwi.

Meta l-Awtorità tiġi quddiemha reġistrazzjoni li mhijiex ta’ bniedem waħdu jew familja tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni neċessara rigward l-użu permess. L-emendi wkoll qed jiċċaraw li l-ebda reġistrazzjoni ma tista’ tintuża bħala difiża għal ksur ta’ liġijiet oħra.

Id-dettalji ta’ dawn l-emendi ngħataw waqt konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa.

Ġie spjegat kif l-emendi jippermettu wkoll lill-Panel t’Arbitraġġ iżomm reġistru ta’ persuni li jonqsu milli jonoraw id-deċiżjonijiet tiegħu, jew id-deċiżjonijet tal-Qrati tal-Appell kompetenti jiddeċiedu fuq kwistjoni fit-tieni istanza. L-inklużjoni ta’ persuna f’dan ir-reġistru hija suġġetta għal dritt ta’ appell.

Qiegħed jiġi estiż it-terminu sabiex sid jirreġistra ftehim ta’ kirja minn għaxart ijiem għal 30 ġurnata u l-Artikolu jipprovdi wkoll li l-proċess ta’ reġistrazzjonii għandu jsir esklussivament online.

Ir-rekwiżit ta’ inventarju qed jiġi emendat biex jagħmilha possibbli għall-partijiet li jissottomettu evidenza fil-forma ta’ ritratti akkumpanjati minn deskrizzjonijiet qosra, li jagħmilha aktar sempliċi għall-partijiet involuti u qed jiġi ċċarat ukoll li r-rekwiżit li jkun hemm inventarju japplika wkoll għal djar li huma mikrija mingħajr għamara.

L-emendi jestendu l-kompetenzi l-Panel ta’ Arbitraġġ għall-Kirjiet Residenzjali Privati biex ikopru l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jikkonċernaw kirjiet residenzjali privati, sakemm dawn l-affarijiet ma jaqbżux il-€5,000 f’danni u ma jikkonċernawx l-iżgumbrament tal-kerrejja jew it-terminazzjoni tal-ftehim.

Il-kerrej ma jistax jinħall mill-kirja mingħajr penali, sakemm is-sid ma jkunx tah avviż ta’ terminazzjoni. Għall-ewwel darba, l-Att qed jiġi emendat sabiex jinkludi l-possibilità ta’ tiġdid espress li jkun fih l-istess termini u kundizzjonijiet tal-ftehim oriġinali ħlief għaż-żidiet permissibbli fl-ammon tal-kera (massimu ta’ 5% fis-sena) u jista’ jsir għal durata itwal minn dak li kien miftiehem qabel fil-ftehim oriġinali.

L-emenda tikkontempla wkoll is-sostituzzjoni ta’ kerrejja li joħorġu minn ftehim ta’ kiri għal kwalunkwe raġuni permezz ta’ talba li jkun fiha l-kunsens ta’ sid il-kera u tal-kerrej utenti, u l-kerrejja l-oħra li jibqgħu f’posthom.

Fl-Att prinċipali qed tiżdied ukoll dispożizzjoni ġdida sabiex il-partijiet fi ftehim ta’ kiri jkunu jistgħu jżidu n-numru ta’ kerrejja li jikru l-istess dar residenzjali jekk ikun hemm il-kunsens tas-sid u l-inkwilini eżistenti.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Roderick Galdes qal li “tliet snin ilu għamilna riforma bla preċedent fis-settur tal-kera. Illum, b’wiċċna minn quddiem qed nippreżentaw emendi legali li se joffru aktar stabbiltà u simplifikazzjoni tal-proċess.”

Il-ministru qal ukoll li l-maġġoranza tas-sidien huma konformi mal-liġijiet u kienu katalisti biex illum qed jiġu ppreżentati dawn l-emendi. Madanakollu għad hemm faxxa żgħira ta’ sidien li mhumiex konformi ma’ dawn il-liġijiet u se jiġu indirizzati permezz ta’ dawn l-emendi.

“Huwa għalhekk li bl-emendi legali li qed inħabbru illum, sid mhux se jkun jista’ jirreġistra aktar minn 6 persuni f’post wieħed hekk kif stipulat fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja – Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp,” qal il-Ministru Galdes.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li wara li tliet snin ilu ġew introdotti l-ewwel standards professjonali fis-suq tal-kera, l-emendi li qegħdin jiġu ppreżentati ser ikomplu jsostnu r-relazzjoni tajba li teżisti bejn l-inkwilini u s-sidien permezz ta’ aktar konformità u simplifikazzjoni tal-proċessi.

15-il lokalità li għandhom aktar minn 1,000 kuntratt attiv

Sadanittant, sal-aħħar ta’ Settembru li għadda kienu rreġistrati aktar minn 56,700 kuntratt ta’ kirjiet privati mal-Awtorità tad-Djar u li għadhom attivi. 95% minnhom tal-kirjiet kienu fuq bażi fit-tul mentri 5% kienu ta’ sitt xhur jew inqas.
Hemm 15-il lokalità li għandhom aktar minn 1,000 kuntratt attiv.

San Pawl il-Baħar tibqa’ l-aktar lokalità li fiha kuntratti attivi (aktar minn 8,000 kuntratt filwaqt li l-ogħla kirjiet baqgħu rreġistrati f’Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi. Fl-istess ħin, il-kirjiet irreġistrati mal-Awtorità tad-Djar fl-ewwel nofs ta’ din is-sena għolew b’5.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Fl-ewwel tliet snin tar-riforma tal-kera, kien hemm 641 talbiet sottomessi lill-Panel t’Arbitraġġ, ingħataw 352 sentenza u kien hemm 164 tilwima pendenti. Sadanittant, inħarġu 818-il notifika ta’ infurzar fuq min kien qed jikri b’xi mod li ma kienx konformi mal-liġi.

Minn dawn, inħarġu 78 kwerela li wasslu sabiex bdew proċeduri anke fil-Qrati. F’dan l-istess perjodu ngħataw 23 sentenza, fejn fi 15-il każ ingħatat multa li tvarja bejn l-€2,500 u t-€3,000.

Sport