Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Abigail Critien għadu kemm tressaq Iddirisu Faisal mill-Ghana. Fil-Qorti ntqal li hu bħalissa qiegħed jgħix il-Marsa.
Ir-raġel li għandu 34 sena qiegħed jiġi akkużat fost l-oħrajn bil-qtil ta’ Joe Bartolo magħruf bħala l-Babbakku ta’ 73 sena mill-Gudja u s-sieħba tiegħu Carmen ta’ 56 sena li nqatlu lbieraħ il-Ħadd f’razzett fil-Marsa. L-akkużat fil-Qorti qal li jaħdem fil-kisi u t-tibjid.
Hu ġie akkużat ukoll li weġġa’ gravi mara kif ukoll li weġġa’ ħafif raġel. Fost l-akkużi li qed jiffaċja hemm li rriżista u weġġa’ ħafif uffiċjal tal-Pulizija.
L-akkużat ilu jgħix Malta mill-2008 filwaqt li kien jgħix fi stalla fil-Marsa li hija taż-żewġ vittmi.
Meta mistoqsi xi jwieġeb għal akkużi kontrih, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Il-Qorti ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Ħabs ta’ Kordin.
L-Ispettur Zahra ppreżenta fil-Qorti l-passaport tal-imputat, passaport ieħor skadut li nstab fil-pussess tiegħu, karta tal-identità Taljana u tallinja card, permesso di soggiorno u dokument ieħor personali tiegħu. Ippreżenta wkoll il-fedina penali tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri megħjuna mill-Avukati Kaylie Bonnett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Brincat deher għall-imputat filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busiettta dehru parte civile għall-familjari tal-vittmi.