Raġel mix-Xewkija tressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana mixli li nstab fil-pussess ta’ droga kannabis u kokaina f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu tiegħu personali u li kellu armi mingħajr liċenzja.
Shawn Thewma ta’ 43 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih meta aktar kmieni waranofsinhar tressaq fil-Qorti t’Għawdex.
Fix-xhieda tagħhom il-pulizija qalu li kif daħlu fil-post minnufih ħadulu l-arma u fittxewlu fil-karozza. Minn hemm komplew bit-tfittxija fir-razzett fejn instabu 40 gramma kokaina u 300 gramma ħaxixa tal-kannabis allegatament lesti għat-traffikar. Minbarra d-droga, fir-razzett instabu aktar minn €50,000 fi flus, żewġ rifles u munizzjon.
Il-Pulizija rnexxielha twaqqaf dak li jidher li kien ser ikun traffikar ta’ kwantità ta’ droga waqt attivitajiet tal-Karnival li se jsiru fi tmiem din il-ġimgħa f’Għawdex.
L-avukat tad-difiża talab għal trattat ta’ ħelsien mill-arrest, iżda l-Maġistrat Sultana ċaħdet din it-talba, b’Shawn Thewma jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion u għall-akkużat dehru l-Avukati Stefano Filletti u Joe Reno Vella.