Raġel mixli b’pussess ta’ kokaina, mus tal-molla u ponn tal-ħadid f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti wara li ġie arrestat waqt kontroll tat-traffiku, li matulu nstabu sustanzi suspettati droga u armi f’karozza.

L-imputat, Bledjan Dushku, ta’ nazzjonalità Albaniża u li jaħdem fil-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih mill-Ispettur Gabria Gatt.

Huwa ġie mixli li rreżista kuntistabbli tal-Pulizija, naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-uffiċjali, kiser il-paċi pubblika u kellu fil-pussess tiegħu sustanza suspettata kokaina. Ġie mixli wkoll li saq mingħajr ċintorin tas-sigurtà u li kellu fuqu mus tal-molla (flick knife) u ponn tal-ħadid.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tal-11am, waqt kontroll tat-traffiku li l-Pulizija kienu qed jagħmlu fi Triq il-Ħalel, San Pawl il-Baħar. L-uffiċjali waqqfu vettura wara li nnutaw li s-sewwieq u l-passiġġier ma kinux lebsin iċ-ċinturin tas-sigurtà.

Waqt il-verifiki, il-Pulizija nnutaw li l-passiġġier kellu fil-pussess tiegħu ponn tal-ħadid u sustanza suspettata droga. Dan allegatament irreżista l-arrest u pprova jaħrab, iżda waqt li kien qed jagħmel dan bela’ sustanza oħra suspettata droga.

Għaldaqstant, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li kien fil-periklu li jitlef ħajtu.

Sadanittant, is-sewwieq ukoll ipprova jaħrab mill-Pulizija, iżda ġie arrestat ftit wara. Waqt l-arrest, surġent tal-Pulizija sofriet ġrieħi ħfief u kellha tingħata l-kura f’ċentru tas-saħħa.

Il-Maġistrat Dr Ingrid Bianco ċaħdet it-talba ta’ Dushku għall-ħelsien mill-arrest. Għalih deher l-Avukat Matthew Xuereb.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport