Wednesday, December 25, 2024

Raġel mixli li kkorrompa lin-neputija tiegħu li għadha taħt l-età

Aqra wkoll

Raġel ta’ 45 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa lin-neputija tiegħu, li għadha taħt l-età, u li ssoġġettaha għal xi att ta’ intimità fiżika.
Fil-Qorti ħareġ li l-minuri flimkien ma’ ommha marru jagħmlu rapport fil-konfront taz-ziju tat-tifla minħabba diskors ta’ natura sesswali li allegatament qalilha. Il-Pulizija kienu kellmu lit-tifla, li għandha 14-il sena, minn fejn allegatament irriżulta li kien hemm xi atti sesswali mhux fuq it-tifla imma li hija rat.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi fid-dawl li hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom l-allegata vittma u oħtha li hi wkoll minorenni.
Min-naħa tagħha, id-Difiża argumentat li l-kronoloġija tal-fatti kienu kemmxejn differenti. Qalet li kienu għaddew ammont ta’ jiem bejn il-ġurnata li allegatament seħħ ir-reat u l-jum li fih ġie arrestat, u l-imputat f’dan il-perjodu ma avviċinax lill-allegata vittma.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Sean Azzopardi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjun mill-Ispetturi Kylie Borg u Darren Buhagiar. L-Avukat Alexander Paul Miruzzi deher għar-raġel.

Ekonomija

Sport