Raġel ta’ 56 sena tressaq il-Qorti wara li allegatament hedded lis-sieħba tiegħu u anke poġġielha sikkina ma’ għonqha. Hu wettaq dan l-att wara li hi qaltlu biex jieqaf juża l-mobile u ma jaħlix aktar kreditu. Għal dawn l-akkużi Galea wieġeb mhux ħati.
L-Ispettur Christian Cauchi spjega quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil kif il-koppja kellhom argument id-dar tagħhom fin-Naxxar. Il-pulizija kienu ġew informati b’dan l-argument u marru mill-ewwel fuq il-post.
It-tfajla allegat mal-pulizija li l-imputat kien heddidha u anke poġġielha sikkina ma’ għonqha. Skont it-tfajla dan l-argument beda wara li hi qaltu biex ma jdumx jitkellem fuq il-mobile tagħha permess li ma kellhiex biżżejjed kreditu.
Intqal kien hawn li l-imputat allegatament tilef il-kontroll tar-rabja tiegħu u qabad lill-vittma minn griżmejha u minn spallejha, imbottaha ma’ ħajt u heddidha b’sikkina. It-tfajla allegat ukoll mal-pulizija li l-imputat kien qalilha li jekk ma toħroġx minn darhom allura kien se joqtolha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba tħassib li r-raġel ma setax jippreżenta indirizz fiss fejn jgħix u għalhekk kellu jmur jgħix f’xelter. Il-Prosekuzzjoni qalet li ma kellha l-ebda garanzija li l-imputat ma kienx se jitlaq mix-xelter.
Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet ordnat li Galea jibqa’ jinżamm arrestat.
L-Avukat Alexia Vassallo dehret għall-imputat.