Monday, November 16, 2026
Home Internazzjonali Raġel Tork li kien instab ħati li tefa’ lil martu tqila minn...

Raġel Tork li kien instab ħati li tefa’ lil martu tqila minn fuq irdum inħeles mill-ħabs wara sitt snin

0
26

Raġel Tork li kien ġie kkundannat għal għomru l-ħabs talli allegatament tefa’ lil martu tqila minn fuq irdum għoli madwar 300 metru sabiex jiġbor il-flus minn polza tal-assigurazzjoni, inħeles mill-ħabs wara li għamel biss sitt snin.

Hakan Aysal, ta’ 45 sena, inħeles minn ħabs ta’ sigurtà għolja fit-Turkija hekk kif il-Qorti Suprema tal-pajjiż qed teżamina appell relatat mas-sentenza tiegħu għall-mewt ta’ martu Semra Aysal, li seħħet fl-2018.

Skont rapporti fil-midja Torka, il-mara, li kellha 32 sena u kienet tqila b’seba’ xhur, tilfet ħajjitha wara li waqgħet minn fuq l-irdum magħruf bħala Butterfly Valley, destinazzjoni turistika popolari fil-Lbiċ tat-Turkija, qrib il-belt ta’ Muğla.

Il-prosekuzzjoni kienet argumentat li Hakan tefa’ lil martu minn fuq l-irdum wara li t-tnejn kienu ħadu xi ritratti flimkien. Skont l-akkużi, ir-raġel kien ħareġ polza tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti f’isem martu, b’valur ta’ madwar 25,000 dollaru, u kien innomina lilu nnifsu bħala l-uniku benefiċjarju.

Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li huwa kien ġabar il-flus tal-assigurazzjoni ftit wara l-mewt ta’ martu.

Aysal kien instab ħati tal-qtil intenzjonat ta’ martu u kien qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs b’kundizzjonijiet aggravati. Madankollu, l-avukati tiegħu u l-Prosekutur Kap tal-Qorti Suprema, Ömer Taş, sostnew li ma kienx hemm biżżejjed provi konvinċenti biex tiġi kkonfermata l-kundanna.

L-avukat ta’ Aysal qal li l-klijent tiegħu kien għamel sitt snin il-ħabs b’mod inġust, li minnhom madwar erba’ snin kien qattagħhom f’iżolament.

Min-naħa tiegħu, Aysal dejjem ċaħad li kien responsabbli għall-mewt ta’ martu. Huwa sostna li ma kienx imbuttaha, iżda li kienet sparixxiet mill-post meta għal mument dar taha dahru.

Ir-rapporti jfakkru wkoll li Aysal kien f’ħin minnhom ipprova jidħol f’difiża bbażata fuq allegata nuqqas ta’ saħħa mentali.

Il-ħelsien tiegħu wara sitt snin biss qajjem reazzjonijiet qawwija u kontroversja, hekk kif il-każ għadu taħt skrutinju legali mill-ogħla qrati fit-Turkija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here