Saturday, November 16, 2024

“Rajt nies jibku għax ma jafux kif se jkomplu mal-ħajja”

Aqra wkoll

Spiżjara taqsam l-esperjenzi professjonali tagħha fiż-żminijiet diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19

Minn Carmen Cachia

Pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja, ħa xokk kbir bil-pandemija tal-Covid-19 li ħakmitna din is-sena. Il-battalja ma’ dan l-għadu inviżibbli għadha għaddejja u bħalma qalet lil Inewsmalta Therese Muscat, spiżjara b’total ta’ 22 sena esperjenza, in-normalità għad fadal ftit biex tirritorna u t-tama hija fit-tilqima l-ġdida kontra l-virus. L-ispiżjara kienu fost il-ftit ħaddiema f’pajjiżna li tul il-lockdown baqgħu jiltaqgħu man-nies u Therese tistqarr li dan il-perjodu kien wieħed verament diffiċli speċjalment għall-fatt li raw mard u semgħu b’ħafna problemi fejn anke kien hemm nies jibku għax ma kienux jafu kif se jkomplu mal-ħajja.

Minkejja li hemm perċezzjoni li r-rwol ta’ spizjar huwa dak li jaqra r-riċetta u jnewwel kaxxa mediċini minn fuq l-ixkaffa, din il-professjoni hija importanti ħafna u tagħti sodisfazzjon kbir lil dawk li daħlu għaliha. Dan għall-fatt li persuna tafda l-problemi tagħha magħhom u grazzi għall-edukazzjoni li ħadu, l-ispiżjara jkunu jistgħu jgħinu. 

Ir-rwol prinċipali ta’ spiżjar huwa dak ta’ health care provider fejn dawn il-professjonisti jaraw li l-pazjenti/klijenti tagħhom, jingħataw l-aħjar kura possibbli. Fil-fatt, l-importanza tar-rwol tal-ispiżjara ħareġ fiċ-ċar fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 fejn, minkejja r-riskji u l-pressjoni kbira li ġab miegħu dan il-virus, dawn il-frontliners baqgħu jagħtu servizz lill-poplu Malti.

Paniku u xiri ta’ mediċini

“Fi żmien il-pandemija, ngħid għalija jien, bdejt nistħajjilni ngħix ġo lecture ta’ Dr Barbara. Dawk l-affarijiet li kien jgħidilna li jistgħu jiġru f’pandemija, bdejna ngħixuhom,” qalet Therese. Kif eżatt tħabbar l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta din l-ispiżjara qalet li n-nies inħakmu minn paniku kbir u raw lil bosta jixtru ammonti akbar minn tas-soltu ta’ mediċini ta’ kuljum u dan għamluh biex ikollhom ħażna d-dar. 

Hija qalet li l-ispiżjara kellhom domanda kbira ta’ apparat protettiv, maskri u visors. “Hawnhekk bdejna naraw il-bżonn li nedukaw lill-klijenti dwar kif għandhom iżommu d-distanza soċjali, kif japplikaw is-sanitizer, il-bżonn li jissanitizzaw ix-xirjiet u kif jilbsu l-maskra,” kompliet Therese.

Waqt li pajjiżna kien f’lockdown, l-ispiżeriji baqgħu miftuħa u minkejja l-fatt li huma wkoll kellhom il-biżgħat tagħhom, riedu jaraw li n-nies jingħataw l-aħjar kura possibbli. Din l-ispiżjara sostniet li, “bżajna li jekk aħna niġu infettati, xorta waħda rridu nsibu soluzzjoni biex il-pazjenti tagħna jkollhom il-konsenja ta’ kull xahar tal-mediċini tagħhom. Bħala frontliner ħakmitni l-ansjetà u bdejt saħansitra nibża’ ngħannaq lil uliedi u nżur lill-ġenituri tiegħi”.

Min-naħa tagħhom, l-ispiżjara bdew jieħdu l-prekawzjonijiet għal saħħithom u għamlu t-tibdil meħtieġ biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-kuntatt dirett man-nies. Dan billi, waqt l-eqlel tal-pandemija tal-Covid-19, bdew jaqdu lill-klijenti tagħhom minn wara l-perspex bil-għan li ħadd ma jidħol fl-ispiżerija u joqgħod imiss l-affarijiet. 

“L-ewwel post fejn noffru l-għajnuna għall-problemi ta’ kuljum”

Therese qalet li meta kollox kien magħluq, huma kellhom pazjenti li ma setgħux joħorġu u allura kellhom isibu mezz biex il-mediċini jitwasslu fi djarhom. 

“Fi żmien il-lockdown għexna perjodu differenti minn tas-soltu. Il-ħwienet, is-servizzi u l-kliniċi għalqu imma l-ispiżeriji, le. F’dan iż-żmien ir-rwol tagħna sar aktar attiv għax filwaqt li l-pazjenti ma kellhomx aċċess dirett għat-tabib tal-familja (kien hemm servizz online), l-ispiżjara kienu hemm u konna l-ewwel post fejn noffru l-għajnuna għall-problemi ta’ kuljum,” kompliet tirrakkonta.

Hawn l-ispiżjara bdew jaraw id-diffikultajiet tan-nies fejn anke kien hemm ħafna persuni li bdew jibżgħu jmorru għall-bżonnijiet u/jew l-appuntamenti li kellhom fl-Isptar Mater Dei. Therese qalet kif “ħafna nies attendew l-ispiżerija b’mard relatat ma’ nuqqas ta’ rqad, ansjetà, biżgħa, dipressjoni u solitudni. Nies li forsi sabu ruħhom bla xogħol u kien hemm ukoll żieda f’każi ta’ problemi fil-familji. Rajt nies jibku għax ma jafux kif se jkomplu mal-ħajja… Rajt min inħakem minn biżgħa kbira mill-virus u oħrajn li ma setgħux iżuru lil qrabthom barra minn Malta”.

It-tilqima hija t-tama għal futur…

Hija qalet li l-pandemija hija realtà li rridu u ma rridux se tibqa’ magħna għaż-żmien li ġej. Sostniet li, “bħal kull pandemija oħra li kellna fl-imgħoddi, l-uniku mezz biex id-dinja tfieq minnha huwa permezz ta’ tilqima sigura u effettiva. Dan se jkun proċess li se jieħu ftit taż-żmien sakemm ngħidu li issa nistgħu ngawdu l-ħajja b’mod normali”. 

Mistoqsija jekk hiex se tieħu t-tilqima kontra l-Covid-19 ladarba jkun imissha, Therese qalet li iva. Hija mhux biss se tipproteġi lilha nnifisha billi teħodha, iżda anke se tagħtiha lil uliedha u dan għax sinċerament temmen li din it-tilqima ġdida se toffri tama għal futur.

Ekonomija

Sport