Saturday, December 21, 2024

RANKATURA POLITIKA

Aqra wkoll

Ir-rankatura tal-Labour għadha hemm. Il-kampanja elettorali li qed tirrombla tixhed dan.

Qatt qabel fl-elezzjonijiet li naf bihom jien, kap ta’ partit ma għamel daqskemm għamel il-kap tal-PN, stqarrijiet li jirrikonoxxu li l-partit tiegħu jinsab sew minn taħt. Hu veru li xenarju bħal dak tal-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti bejn Truman u Dewey qatt ma tista’ teskludih. Kulħadd kien jaħseb li Dewey se jirbaħ tant li gazzetta ewlenija ta’ Chicago ħarġet tirrapporta b’titli kbar li Dewey kien rebaħ. 

Ma nemminx li ħaġa hekk se tiġri fis-26 ta’ Marzu. Imma l-isfida quddiem il-Partit Laburista tibqa’ li jżomm quddiem għajnejh kif riżultat bħal ta’ Truman jista’ jiġri. U allura jrid jibqa’ jistinka bla waqfien.

PASSAPORTI TAD-“DEHEB”

U tibqa’ għaddejja l-kampanja kontra l-passaporti hekk imsejħa tad-deheb. Jien li ma qbiltx ma’ passaporti mogħtija għal raġunijiet ta’ investiment, xorta nara dil-kampanja bħala farsa.

Il-gvernijiet għandhom id-dritt sovran li joħorġu l-passaporti. L-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda kompetenza f’dil-materja. Il-pajjiżi membri tagħha, kważi kollha, għadhom joħorġu viżas, permessi residenzjali u ċittadinanzi skont proċeduri antiki u ġodda, ħafna drabi b’intenzjonijiet politiċi li dwarhom ma tingħata l-ebda informazzjoni. Dwar hekk ma jitqajjem l-ebda kjass. 

   Jissemmew ħafna l-abbużi li jistgħu jseħħu bil-passaporti  li jinfdew b’investiment f’pajjiż. Tassew, jistgħu jiġru l-affarijiet li jissemmew. Imma lil hinn mit-teorija, kemm fil-prattika seħħew abbużi? Dawk li jmexxu l-kampanja kontra l-passaporti tad-“deheb” ftit li xejn jagħtu informazzjoni dwar hekk. Ir-raġuni hi li ftit li xejn kien hemm każi. 

Donnu li l-paladini Ewropej u Maltin ta’ kontra l-passaporti “tad-deheb”  raw f’dil-ħaġa suġġett faċli u emottiv li dwaru jvaraw il-kampanji politiċi tagħhom.

QERDA FL-UKRAJNA

L-imwiet u l-ħerba fl-Ukrajna ma waqfux. X’jista’ jwaqqafhom? 

  Min-naħa tar-Russja milli wieħed jista’ jifhem: jew il-kapitulazzjoni tal-gvern Ukrajin – jew li dan jitlef il-gwerra u jikkollassa. L-Ukrajna mbagħad issir parti mit-territorju Russu.

Min-naħa tal-Ukrajna: armistizju u proċess diplomatiku li bih iż-żewġ naħat isibu mod ta’ kif se jgħixu bejniethom b’sodisfazzjon sħiħ għal li t-tnejn jistennew minn xulxin.

Soluzzjoni li żżomm bogħod il-qerda tal-Ukrajna mhijiex se tkun faċli. L-istrateġija Russa li żżomm sal-aħħar l-intenzjonijiet tagħha mkebba fiċ-ċpar tindika rieda soda biex tirnexxi akkost ta’ kollox fl-għanijiet tagħha. Biex il-kalkoli tar-Russja jinbidlu, militarment l-Ukrajni jridu jimponu sofferenzi fuqha, tant kbar li jwassluha lejn xi kompromess. Minħabba d-differenzi kbar li jeżistu bejn iż-żewġ naħat, diffiċli temmen li dan l-għan – li minnu nnifsu jġib miegħu tbatijiet, imwiet u ħerba liema bħalha – jista’ jintlaħaq. 

Ekonomija

Sport