Saturday, November 23, 2024

Rapport pożittiv dwar Malta minn ġurnal Taljan… Il-“Corriere di Ragusa” isostni li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ infezzjonijiet fost il-pajjiżi kollha tal-UE

Aqra wkoll

Wara diversi rapporti mill-midja Taljana li fihom attakkaw lil pajjiżna minħabba infezzjonijiet ta’ ċittadini minn tagħhom wara mawra f’pajjiżna, il-“Corriere di Ragusa” ta daqqa t’għajn lejn is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna. 

Dan il-ġurnal Taljan beda b’titlu b’saħħtu fejn sostna li Malta hija l-gżira fl-Unjoni Ewropea bl-inqas każijiet ta’ infezzjonijiet tal-Coronavirus. 

“Malta, fil-mument, hija l-pajjiż bl-inqas rata ta’ infezzjonijiet kumplessi fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Il-gżira tal-kavallieri għandha l-inqas numru ta’ fatalitajiet b’medja ta’ aktar minn 2,500 swab test kuljum għal popolazzjoni ta’ inqas minn 500,000 persuna,” kompla dan ir-rapport.

Jingħad ukoll li fi Sqallija jsiru medja ta’ 2,000 swab test kuljum għal popolazzjoni ta’ ħames miljun persuna. Aktar fid-dettal jingħad li l-perċentwal tal-każijiet pożittivi fit-testijiet li saru f’Malta matul ix-xahar ta’ Marzu li għadda kien ta’ 2.6%, mentri fl-aħħar ġranet kien ta’ 2.1% tat-testijiet li rriżultaw pożittivi.

“Fil-prattika, f’Malta, aktar mietu persuni bl-influwenza s-sena l-oħra milli bil-Covid-19, fejn din tal-aħħar ikkawżat l-aħħar mewt fid-29 ta’ Mejju li għadda, jiġifieri kważi tliet xhur ilu,” temm il-Corriere di Ragusa.

Sadanittant il-ġimgħa li għaddiet f’Malta tħabbret fatalità oħra minħabba l-Coronavirus biex in-numru tal-mejta telgħu issa għal 10 persuni. Il-vittma kienet anzjan ta’ 72 sena.

Sport