Rapporti mhux ikkonfermati qed jgħidu li l-Korea ta’ Fuq sparat missila ballistika minn sottomarin lejn il-baħar tal-Lvant. Dan qaluh uffiċjali tal-Korea t’Isfel u l-Ġappun.
Jekk dan it-test ikun ikkonfermat, dan ikun l-aħħar żvilupp minn serje ta’ testijiet bil-missili li Pyongyang qiegħda tagħmel.
Dan it-test, jekk dejjem ikun ikkonfermat, sar ftit jiem biss qabel l-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid tal-Korea t’isfel Yoon Suk-yeol. Dan tal-aħħar kien għamilha ċara li hu se jkun qiegħed jieħu pożizzjoni b’saħħtiha fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tad-Difiża tal-Ġappun Nobuo Kishi qal li dan it-test huwa wieħed inaċċettabbli u ta’ theddida għall-komunità internazzjonali. Kishi żied jgħid ukoll li minħabba dan, il-Ġappun se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu ta’ difiża.
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika kien wissa li l-Korea ta’ Fuq jidher li qiegħda tipprepara biex twettaq test fuq armi b’kapaċitajiet nukle-
ari.
Analisti li tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li ż-żmien li fih il-Korea ta’ Fuq għażlet li twettaq dan it-test huwa wieħed sinjifikanti, hekk kif dan il-pajjiż se jkollu mexxej ġdid. Yoon se jkun qiegħed jidħol fil-kariga għada u mbagħad fil-21 ta’ Mejju hu se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Joe Biden ġewwa Seoul.
L-intelligenza tal-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq qiegħda tirrapporta li hemm possibbiltà kbira li qabel il-laqgħa tal-21 ta’ Mejju l-Korea ta’ Fuq tkun wettqet test ieħor fuq armi b’kapaċitajiet nukleari.

