Sunday, December 22, 2024

Reazzjoni pożittiva għall-pjan ta’ faċċati mibnija bil-ġebla Maltija f’Għawdex

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) laqgħet d-deċiżjoni tal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri li fl-aħħar jiem ħabbar li l-faċċati ta’ bini ġdid f’Għawdex se jkun jeħtieġ li jinbnew mill-ġebla Maltija, skont politika li se tidħol fis-seħħ dalwaqt. 

L-GTA kompliet biex tgħid li din id-deċiżjoni taqbel mal-fehmiet tagħha dwar l-iżvilupp f’Għawdex. Kompliet biex tgħid li matul dawn l-aħħar snin l-Assoċjazzjoni kienet favur li l-iżvilupp f’ Għawdex għandu jkun konformi u jirrispetta l-karatteristiċi u n-nisġa urbana tal-Gżira. 

L-assoċjazzjoni tenniet li huwa permezz ta’ deċiżjonijiet bħal din li l-gżira Għawdxija stabbilixxiet ruħha bħala destinazzjoni turistika distinta fl-arċipelagu Malti u f’postijiet oħra. Hija rreferiet għaI kunċetti bħalma kien l-iżvilupp riċenti ta’ diversi boutique hotels li nbnew kollha restawrati u rinnovati bil-ġebla lokali kienu u ddeskriviethom bħala l-katalisti għal tip ta’ akkomodazzjoni sinonima mal-gżira Għawdxija. 

“L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu minn dejjem kienet favur l-iżvilupp, li jirrispetta l-karattru tal-bini u l-ambjent eżistenti u li jkabbar lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika unika. Għalhekk, din id-deċiżjoni hija nifs ta’ arja friska għad-domanda sostanzjali tal-iżvilupp li hawn bħalissa f’Għawdex”, temmet l-assoċjazzjoni.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) qalet li tittama li l-proposta tal-Ministru Camilleri tkun l-ewwel pass lejn it-tfassil ta’ politika li tqis il-kuntest tal-gżira u tippreserva l-karatteristiċi distinti tagħha hekk kif skontha ħafna drabi Ghawdex intlaqat b’mod negattiv mill-politika nazzjonali partikolarment f’dan il-kuntest.

Il-proposta ta’ Camilleri ntlaqgħet ukoll b’ mod pożittiv mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (MDA), li qablet li faċċati bil-ġebla Maltija jistgħu jgħinu biex Għawdex jingħata l-identità arkitettonika distinta tiegħu.

Ekonomija

Sport