Sunday, December 22, 2024

Reazzjonijiet għall-aħbar li se jinġibed f’pajjiżna ‘Gladiator 2’

Eluf mistennija jaħdmu fil-produzzjoni tiegħu

Aqra wkoll

Intlaqgħet bil-ferħ l-aħbar li pajjiżna reġa’ ntgħażel biex fih jinġibdu xeni mill-film Gladiator 2, fejn bosta kienu dawk li kkummentaw li din se sservi ta’ opportunità oħra mhux biss għal Malta iżda wkoll għall-Maltin li jixtiequ jaħdmu f’din l-industrija. Oħrajn ikkummentaw li għandna għax inkunu kburin li minkejja ċ-ċokon tagħna, minn tant pajjiżi, kellu jkunu proprju pajjiżna li jintgħażel għal blockbuster bħal dan.

Dan kollu ma jiġix mix-xejn u minkejja li kien hemm min ilmenta dwar riklami ta’ sejħiet li feġġew fl-aħħar xhur f’pajjiżna, nifhmu li kienet qiegħda ssir evalwazzjoni ta’ dawk li applikaw biex ikunu jistgħu jew ikomplu karriera f’dan is-settur jew saħansitra jibdew karriera ġdida.

B’hekk nistgħu ngħidu li r-ritorn tal-film Gladiator, wara aktar minn 20 sena, se jerġa’ jpoġġi lil pajjiżna fuq wiċċ id-dinja fil-qasam tal-films. Turija oħra ta’ kemm dan is-settur tassew qed jikber u jġib ir-riżultati. Biss biss, is-sena li għaddiet, inġibdu 24 produzzjoni f’pajjiżna li bejniethom iġġeneraw mal-€85 miljun fl-ekonomija.

Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li l-parti l-kbira tal-film Gladiator 2 se jkun qiegħed jinħadem hawn Malta. Il-ġbid ta’ dan il-film f’Malta se jdum madwar tliet xhur, u fih se jaħdmu eluf ta’ ħaddiema. Il-produzzjoni tal-film se tkun prinċipalment iffokata fil-Forti Rikażli fejn hu mifhum li bħalissa qed jinbnew ukoll settijiet kbar għal dan il-għan. “Malta ilha ma jkollha film bħala dan ġenerazzjoni sħiħa,” sostnew l-istess sorsi ma’ dan il-ġurnal.

L-atturi prinċipali li se jieħdu sehem f’dan il-film, li huwa taħt it-tmexxija tad-Direttur Ridley Scott, hemm Denzel Washington u Paul Mescal. Gladiator 2 mistenni li jinħareġ fis-swali taċ-ċinema f’Novembru tal-2024.

Ekonomija

Sport