Thursday, April 18, 2024

Boris Johnson mistenni jressaq “evidenza” bħala difiża fil-każ tiegħu

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson se jippubblika evidenza fid-difiża tiegħu qabel il-Membri Parlamentari jsaqsuh dwar jekk qarraqx bil-Parlament fir-rigward ta’ festini li kienu jiksru r-regolamenti tal-Covid. Huwa mistenni jaffaċċja seduta kruċjali quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi nhar l-Erbgħa. 

Il-kumitat għad irid jiddeċiedi dwar il-każ, iżda f’aġġornament inizjali aktar kmieni dan ix-xahar intqal li Johnson seta’ żgwida lill-Parlament bosta drabi. Min-naħa tiegħu, Johnson qiegħed jiċħad li qarraq bil-Membri Parlamentari. 

Is-seduta ta’ nhar l-Erbgħa, li tista’ ddum sa ħames sigħat, se sservi bħala opportunità għal Johnson li jipperswadi lis-seba’ membri tal-Kumitat li huwa ma kienx qarraq bl-MPs f’Diċembru tal-2021 – inkluż meta qal fil-Commons li hu kien “assigurat ripetutament minn meta ħarġu dawn l-allegazzjonijiet li ma kien hemm l-ebda festin u li ma nkisru l-ebda regoli tal-Covid.” 

Sorsi qrib Johnson sostnew mal-midja internazzjonali li huwa se jkun qiegħed jippubblika “dossier konvinċenti” filwaqt li se jipprovdi evidenza u argumenti li juru li huwa ma qarraqx bil-Parlament. 

F’Mejju tas-sena li għaddiet, inkjesta mmexxija mill-impjegata taċ-ċivil Sue Gray sabet li kien seħħ ksur tar-regoli, u s-Sur Johnson kien fost 83 persuna mmultati mill-pulizija talli attendew avvenimenti li jiksru l-liġi.

Jekk jonqos milli jikkonvinċi lill-kumitat u jinstab ħati, jista’ jiġi sospiż mill-Commons, u anke jiffaċċja petizzjoni, li twassal għal by-election, jekk dik is-sospensjoni tkun għal aktar minn 10 ijiem. Madankollu, il-Membri Parlamentari jkollhom japprovaw kwalunkwe sanzjoni fuq Johnson.

Ekonomija

Sport