Tuesday, June 2, 2026

“Rebħa b’saħħitha… il-Prim Ministru dejjem għamel il-ġid għal Malta u Għawdex”

Aqra wkoll

Folla kbira ta’ nies ilbieraħ filgħodu nġabret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, biex tassisti għall-mument tant importanti tal-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Robert Abela bħala l-Prim Ministru ta’ Malta. Dan wara r-rebħa storika li kiseb il-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali 2026, li kienet ukoll ir-raba’ waħda konsekuttiva għal dan il-partit. 

Fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda, il-poplu Malti u Għawdxi ta lill-Partit Laburista mandat elettorali ieħor b’saħħtu. Fl-ewwel kummenti tiegħu wara din ir-rebħa storika, il-Prim Ministru qal li jilqa’ dan ir-riżultat b’umiltà kbira, bl-impenn ċar tiegħu jkun li se jrodd lura l-fiduċja li l-poplu silfu bl-enerġija kollha tiegħu. 

Dr Abela tenna wkoll li dawn se jkunu ħames snin ta’ ħidma qawwija biex jimplimentaw il-manifest elettorali Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek, il-Proġett Tagħna. 

Sadanittant, fi Pjazza San Ġorġ, Dr Robert Abela ntlaqa’ b’ċapċip kbir minn dawk preżenti fost għajat ta’ “Robert, Robert u Viva l-Labour”. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ wħud mill-partitarji miġbura f’din il-pjazza fejn ilkoll irrikonoxxew il-ħidma ta’ dan il-Gvern u rringrazzjaw lill-Prim Ministru tal-ħidma tiegħu filwaqt li awgurawlu aktar ħidma fejjieda b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

L-ewwel persuna li tkellimna magħha qaltilna li tinsab ferħana ħafna wara r-rebħa li għamel il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali. Hija żiedet li “l-Prim Ministru dejjem għamel il-ġid għal Malta u għal Għawdex u se jibqa’ jagħmel il-ġid. Aħna Maltin u Għawdxin. Bandiera Maltija. Poplu magħqud u ma jridx ikun hemm firda. Aħna fl-aħħar mill-aħħar irridu nkunu l-għira għal pajjiżi oħra.”

Raġel ieħor qal li dik tas-Sibt kienet rebħa kbira għall-Partit Laburista u r-raba’ waħda konsekuttiva. Rebħa b’saħħitha ta’ aktar minn 20,000 vot. Huwa appella biex il-Prim Ministru jkompli jgħin lin-nies għax huma n-nies li tawh il-fiduċja. 

Żagħżugħa li tkellmet magħna qaltilna: “Ir-raba’ rebħa Laburista, bil-ferħ nerġgħu nkunu sabiex inwettqu aktar ġid għall-poplu Malti u Għawdxi. Il-messaġġ lill-Prim Ministru hu biex inwettqu aktar ġdid għalina ż-żgħażagħ u l-futur tagħna.”

Fost aktar kummenti li ħadna mingħand in-nies kien hemm dak ta’ raġel li qalilna li “l-poplu ddeċieda li jerġa’ jagħżel il-Partit Laburista għaliex ħadem fuq li ħadem. Il-poplu reġa’ tkellem u nkomplu nagħmlu dan ix-xogħol kollu li qal il-Prim Ministru u se nkomplu għaddejjin fuq il-passi tajbin. 

“Nawgura lill-Prim Ministru għar-rebħa storika li erġajna għamilna. Ir-raba’ rebħa konsekuttiva li fl-istorja politika Maltija għadu ħadd m’għamel. U viva l-Labour sal-mewt.”

Raġel ieħor qal li din kienet rebħa li ħadmu ħafna għaliha, anke waqt il-kampanja elettorali. Huwa appella wkoll sabiex jibżgħu għan-nies tagħhom sabiex “il-Laburisti nżommuhom Laburisti.”

Persuni oħra li tkellmu magħna qalulna li l-poplu fehem li għandu jerġa’ jkollu Gvern Laburista, li għandu tim tajjeb ħafna. Kien hemm min qalilna wkoll li l-Oppożizzjoni għamlet kampanja sabiħa. Huma awguraw lill-Prim Ministru u lill-familja tiegħu aktar saħħa u futur isbaħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport