Wednesday, December 25, 2024

Rebħa minima għal Juventus f’partita pjaċevoli

Aqra wkoll

Rebħa minima għal Juventus f’partita pjaċevoli

Juventus laqgħu lil Fiorentina u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Federico Gatti fil-21 minuta f’partita li fiha kien hemm tliet goals imħassra.

Kien fis-sitt minuta li Weston McKennie skorja għal Juventus iżda kien ġudikat li kien f’pożizzjoni ta’ offside fil-proċess tal-goal.

Fit-12-il minuta, il-Bianconer reġgħu sabu x-xibka permezz ta’ Gatti li kkonkluda mill-pass ta’ Filip Kostic iżda għal darb’oħra ma ġiex konvalidat minħabba pożizzjoni ta’ offside ta’ Gleison Bremer.

Fit-32 minuta, Juventus kellhom it-tielet goal imħassar għal offside meta McKennie niżżel il-ballun lil Federico Chiesa biex kompla l-ballun għal ġewwa.

Fl-74 minuta, Fiorentina kienu sfortunati li ma kisbux id-draw meta  Nico Gonzalez ġie mċaħħad mil-lasti … biex dan kien is-17-il darba li l-Viola ġew imwaqqfa mil-lasti.

Monza v Napoli – Napoli kisbu rebħa tajba meta għelbu lil Monza bl-iskor ta’ 4-2 biex żammew it-tamiet tagħ­­hom ħajjin li jikkwalifi­kaw għal kompetizzjoni Ew­ro­pea.

L-iskorers tagħhom kienu Victor Osimhen (55), Matteo Politano (57), Piotr Zielinski (61) u Giacomo Raspadori (68) filwaqt li Milan Duric (9) u Andrea Colpani (62) skorjaw għal Monza.

Frosinone v Bologna – Bologna marru għand Frosinone u kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ mingħajr goals biex ħadu gambetta kbira fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-raba’ post.

Iżda huma setgħu ħarġu bit-tliet punti fl-aħħar azzjoni tal-partita. Peró, is-sostitut Dan Ndoye għamel l-impossibbli meta minn taħt il-lasti, inkredibbilment xe­ħet għoli.

Cagliari v Atalanta – Atalanta marru għand Cagliari u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn Tommaso Augello (42) u Nicolas Viola (88) wara li Gianluca Scamacca (13) fetaħ l-iskor għal Atalanta.

Verona v Genoa – Barra minn darhom Genoa għelbu lil Verona bl-iskor ta’ 2-1 bl-iskorers ikunu Caleb Ekuban (45) u Albert Gudmundsson (58) filwaqt li Federico Bonazzoli (8) skorja għal Verona.

Empoli v Torino – Empoli għelbu lil Torino bl-iskor ta’ 3-2 b’mod mill-aktar drammatiku biex għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni.

Il-goals tagħhom ġew skorjati minn Nicolo Cambiaghi (6), Matteo Cancel­lieri (74) filwaqt li Duvan Zapata (60, 91) ħaseb li kiseb id-draw għall-Granata.

Iżda M’Baye Niang (94) ta r-rebħa lil Empoli fl-aħħar azzjoni tal-partita.

Ekonomija

Sport