Il-poplu semma’ leħnu. Il-poplu ddeċieda. Il-poplu għażel lil min irid imexxih fil-ħames snin li ġejjin. Il-poplu reġa’ ta mandat b’saħħtu lill-Partit Laburista. Ir-raba’ mandat konsekuttiv lil dan il-partit, li huwa tragward storiku hekk kif xi ħaġa bħal din qatt ma ġrat qabel fl-istorja politika ta’ Malta.
Fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda, il-Partit Laburista, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, għamel rebħa konvinċenti oħra b’distakk b’saħħtu. Għalkemm naqas id-distakk komparat mal-aħħar elezzjoni, il-poplu vvota għall-kontinwità u l-istabbiltà.
Huwa minnu li qabel ħareġ jivvota, il-poplu xtarr sew dak li kien qed jiġi ppreżentat lilu mill-partiti politiċi. Ra wkoll min kien dak il-partit fil-Gvern li fl-eqqel ta’ kriżijiet inkluż waqt pandemija u diversi gwerer lil hinn minn xtuna, ħadem biex isalva l-impjiegi u n-negozji. Filwaqt li kien, għadu u se jibqa’ ta’ sostenn għalihom għaż-żmien li ġej.
Għalhekk, fil-fehma tagħna, il-poplu bil-vot tiegħu, irrikonoxxa l-ħidma mwettqa mill-Gvern Laburista tul dawn l-aħħar 13-il sena. Il-poplu jaf li taħt dan il-Gvern, dak li jiġi mwiegħed, jitwettaq. U din ukoll torbot mat-tema li saħaq fuqha ħafna l-Prim Ministru tul il-kampanja elettorali. Il-kredibiltà li torbot mal-konsistenza.
Il-Gvern Laburista wera kemm hu kredibbli u kompla jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar tul dawn l-aħħar snin fis-setturi kollha. U fejn kien hemm bżonn, anke wettaq proċess ta’ tiġdid li kompla biex saħħaħ il-fiduċja tiegħu mal-elettorat.
Iżda fuq in-naħa l-oħra, għall-Partit Nazzjonalista din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva. U bla dubju li wara telfa oħra bħal din, il-PN irid jerġa’ jagħmel analiżi tiegħu nnifsu, dwar għalxiex mhux qiegħed jikkonvinċi biżżejjed lill-elettorat biex jivvutalu u jdawwar id-distakk.
Madanakollu, ninnutaw b’sodisfazzjon li din kienet elezzjoni li fiha ma rajniex attakki żejda jew personali, u ta’ dan ħajr liż-żewġ partiti politiċi ewlenin għall-maturità li wrew anke f’dan ir-rigward. Fuq kollox, il-parteċipazzjoni pubblika kienet akbar mill-aħħar elezzjoni u dan deher fejn f’kull distrett kien hemm żieda fl-għadd ta’ nies li pparteċipaw.
Bla dubju iżda huwa l-fatt li l-poplu għal darba oħra reġa’ ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela biex ikompli jiggverna għall-ħames snin li ġejjin, dejjem fl-interess tal-poplu.


