F’kummenti li ta mal-wasla tiegħu fil-kumpless tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, wara r-rebħa storika tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda, il-Prim Ministru qal li jinsab kburi li flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi rnexxielhom jiktbu l-istorja. L-ewwel partit politiku li rebaħ erba’ elezzjonijiet ġenerali konsekuttivi.
Mandat b’saħħtu li se jwassal biex flimkien inwettqu l-manifest Int Malta.
“Manifest li nkiteb mill-poplu Malti u Għawdxi. Manifest li se jikkontribwixxi biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Għalhekk irridu nibqgħu naħdmu fi spirtu t’għaqda nazzjonali flimkien. Se nibqa’ nkun il-Prim Ministru tal-Għawdxin u l-Maltin kollha biex dak l-ispirtu li dejjem mexxejna fih ta’ għaqda jkun dak li jeħodna lejn l-implimentazzjoni tal-manifest Int Malta biex nimxu lejn Malta aqwa u naslu għal aktar kisbiet għall-poplu kollu,” tenna l-Prim Ministru


