Uffiċjali appoġġjati mir-Russja b’erba’ reġjuni okkupati ġewwa l-Ukrajna qed jagħmlu referendum dwar sħubija mar-Russja. Deskritti bħala illeġittimi u foloz mill-Ukrajna u l-Punent, dawn ir-referenda se jkunu qed isiru fil-ħamest ijiem li ġejjin fl-erba’ reġjuni, tnejn fil-Punent u tnejn fin-Nofsinhar u dawn jinsabu fil-fruntiera tal-gwerra.
Analisti tar-relazzjonijiet internazzjonali qed jargumentaw li jekk dan it-territorju jiġi anness mar-Russja u jiġi attakkat mill-Ukrajna bl-użu ta’ armi mill-Punent dan jista’ jeskala l-gwerra. Jekk iseħħ dan, ir-Russja tibda targumenta li t-territorju tagħha jinsab taħt attakk b’armi tan-Nato u ta’ pajjiżi tal-Punent u dan jista’ jwassal għal kunflitt ħafna ikbar. Il-possibbiltà li dawn iż-żoni jiġu attakkati hi kbira.
Seba’ xhur wara li bdiet l-invażjoni Russja, l-armata ta’ Vladimir Putin qiegħda tesperjenza numru ta’ disfatti hekk kif il-kontroffensiva Ukrena qiegħda tħalli l-effett tagħha.