Thursday, April 18, 2024

Serje televiżiva Ingliża qed tinġibed f’Malta

iġġenerati mat-€2.3 miljun fl-ekonomija.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kumpanija Clapperboard Studios rritornat Malta bit-tielet produzzjoni tagħha f’dawn l-aħħar sentejn. Dan hekk kif bħalissa f’pajjiżna għaddej il-ġbid ta’ tmien episodji tas-serje televiżiva Ingliża HMS Murder.

Il-ġbid ta’ din is-serje mistenni jtul seba’ ġimgħat u qed isir f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż fosthom il-Belt Valletta, Buġibba, Mellieħa, Ħal Lija, Kordin, Bormla, Kalkara (Rikażli), il-Birgu, in-Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq, il-Marsa, Ħ’Attard, Ħad-Dingli u r-Rabat. 

Fi żjara li għamel fil-Barrakka ta’ Fuq, fejn kienet qiegħda tinġibed waħda mix-xeni tas-serje, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li din il-produzzjoni se tkun qiegħda tiġġenera fl-ekonomija ta’ pajjiżna mat-€2.3 miljun u li l-maġġoranza tal-ħaddiema (60) huma Maltin.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna kif “din il-produzzjoni toħroġ fid-deher il-versatilità li joffri pajjiżna fid-dinja tal-films. L-istrateġija tagħna msejsa fuq inċentivi fiskali fost l-aktar attraenti fl-Ewropa qegħda twassalna biex il-ħaddiema fis-settur tal-films jibqgħu jaħdmu matul is-sena kollha. L-għan aħħari huwa dak li nibnu industrija tal-films li tkun world class u mutur ewlieni fl-ekonomija Maltija”.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li: “aktar produzzjonijiet qed jagħżlu lil Malta. L-industrija tal-films qed tikber kuljum. Nemmnu li nistgħu niksbu aktar u ninsabu determinati li nkomplu nsaħħu din l-industrija.” 

Grech qal ukoll li fis-serje televiżiva, is-segwaċi se jaraw il-kapaċità ta’ pajjiżna biex nirreplikaw ix-xenografija ta’ pajjiżi oħra bħal Ġermanja, l-Italja, Spanja, Franza, il-Portugall u l-Marrokk. 

Ekonomija

Sport