Saturday, December 14, 2024

REGĦBA

Aqra wkoll

Ħabib tiegħi għamel osservazzjoni interessanti: Fl-ekonomija ta’ Malta daħal wisq l-ispirtu tar-regħba. Skont id-dizzjunarju, regħba tfisser “xewqa qawwija għal dak li għandu ħaddieħor”: f’dal-kuntest – flus.

Ħsibt fuq li qal. Biss, il-kilba għall-flus mhux dejjem kienet fostna? La l-ġenna u l-anqas l-infern ma fettlilhom jiżviluppaw illum fostna. 

  Ħabibi donnu ried ifisser li issa, ir-regħba laħqet livelli fenomenali. Il-ġirja wara l-flus saret qawwija ħafna… ħalli ma ngħidx wisq. It-taħsir tal-ambjent u tal-wirt nazzjonali għaddej bla waqfien.

Naħseb li l-ħabib tiegħi ried ifisser aktar minn hekk. Ir-regħba ta’ bħalissa qed tpoġġi l-ewwel priorità fuq il-flus a skapitu ta’ imġiba korretta lejn kompetituri, konsumaturi u l-pajjiż. Tipprevali l-għajta ta’ “l-ewwel jien”. Din titwettaq billi kollox isir permissibbli. Inkluża l-korruzzjoni?

SIGURTÀ KIBERNETIKA

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar kull ma ngħidu, niddeċiedu u nagħmlu sar jiddependi fuq il-mezzi diġitali.  L-istess dak li nipproduċu, kif u fejn nivvjaġġaw, kif inħallsu u nitħallsu. L-għan tal-gvernijiet Ewropej, tal-Unjoni Ewropea u tal-mexxejja ta’ żoni oħra hu li nkomplu sa kemm nistgħu fit-triq li ndaħħlu d-diġitali fil-moħħ, fit-tagħlim u fl-użanzi tal-popli.

B’hekk, se nilħqu livelli aqwa ta’ għajxien, se tittawwal u titjieb il-ħajja u l-produzzjoni ta’ oġġetti meħtieġa se ssir aktar effiċjenti.

Hemm prezz x’jitħallas. Il-fatt li nistrieħu daqstant fuq sistemi diġitali jfisser li lejhom se jinġibdu dawk kollha li moħħhom biex jaraw jekk jistgħux japprofittaw ruħhom billi jagħmlu dak li hu projbit. Daqskemm mezzi diġitali jistgħu jservu għat-tajjeb, jistgħu jiftħu passaġġ għal ħidma kriminali ġdida. 

Saret priorità ewlenija li jiġu mmexxija u żviluppati modi u proċeduri ta’ sigurtà ċibernetika kontra dil-ħidma. L-isforżi biex dis-sigurtà tkun l-aħjar possibbli qed tinfirex b’rata forsi akbar minn dik tas-settur diġitali kollu kemm hu.

PESTIĊIDI

Aktar minn erbgħin sena ilu, l-ammont ta’ pestiċidi fil-kampanja Maltija kien diġà qed joħloq tħassib. Niftakar li bħala editur ta’ magazine ta’ kull xahar, kont nirċievi artikli dwar hekk. L-argument tagħhom kien li biex jeqirdu d-dud, ħniex, bebbux u insetti li kienu jeqirdulhom l-uċuh, il-bdiewa kienu draw ixerrdu kimiċi biex isalvaw il-prodotti tagħhom.

Imma l-ħamrija tal-pajjiż kienet spiċċat kontaminata mill-pestiċidi u t-tniġġiż seta’ jibqa’ nieżel mill-blat ta’ taħt għal ġol-bjar naturali tal-ilma. Il-biża’ kien li se jiżdied il-mard fost il-poplu, inkluż l-kanċer.

Minn dak iż-żmien, daħlu kontrolli fuq x’pestiċidi jistgħu jintużaw.  Madankollu, tneħħiet it-theddida ta’ tniġġiż mifrux tal-art Maltija? U fejn waslu sadattant l-attentati biex jinżammu taħt kontroll dawk il-“bhejjem” li kienu jiddelettaw jindafru bl-uċuh tal-biedja?

Ekonomija

Sport