Friday, December 27, 2024

Reġistrat mill-ġdid tnaqqis fir-rati tal-faqar

Aqra wkoll

Reġa’ ġie rreġistrat tnaqqis fir-rati ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u kif ukoll ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u ta’ dawk f’ċaħda materjali u severa. Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar d-dħul tal-familji fl-2023, abbażi tas-sena 2022.

L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) issa niżel għal 19.8% tal-popolazzjoni mistħarrġa, tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali fuq l-2022. Fl-2013 din ir-rata kienet ftit anqas minn 25%.

L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar (ARP) laħħaq 16.6% tal-popolazzjoni, tnaqqis ta’ 0.1 punt perċentwali meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.  Din ir-rata reġistrata kienet l-aktar waħda baxxa mill-2017 ’l hawn.

Fiż-żewġ indiċi ġie nnutat tnaqqis fir-rati perċentwali ta’ persuni fl-etajiet ta’ 65 sena jew akbar, u kif ukoll ta’ dawk f’etajiet bejn it-18 u l-64 sena.  F’kull kategorija kien hemm żieda fl-għadd ta’ persuni b’riżultat ta’ aġġustament li għamlet l-NSO fl-ammont tal-popolazzjoni b’riżultat taċ-Ċensiment li sar fl-2021.

Fil-fatt dan l-aġġustament wassal biex l-NSO tirrevedi ’l fuq il-figura tal-popolazzjoni b’20,000 persuna.  Dan ma jfissirx li l-popolazzjoni żdiedet b’daqshekk f’sena waħda iżda l-aġġustament ikopri numru ta’ snin li issa ġie rifless kollu f’daqqa fis-sena 2022.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li għalkemm ix-xejra ġenerali hija waħda pożittiva u inkoraġġanti  jibqa’ l-ħtieġa li ssir aktar ħidma biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji.  Huwa żied jgħid li dan l-aħħar studju tal-NSO, peress li hu bbażat fuq l-2022, għadu mhux jinkludi d-diversi miżuri u żidiet li ddaħħlu fl-2023 u l-2024, fosthom żidiet rekord fil-pensjonijiet, l-benefiċċji tat-tfal, li żgur komplew itejbu l-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li bil-progress ekonomiku u t-titjib fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali sal-2022, kien hemm tkabbir ta’ 7 fil-mija fid-dħul medju disponibbli tal-familji bejn l-2021 u l-2022 u dan laħħaq €37,275.   Din kienet it-tieni l-akbar żieda fid-dħul mill-2013 ’l hawn wara dak reġistrat fl-2020 ibbażat fuq id-dħul fl-2019.

Id-dħul medjan ta’ familja b’persuna waħda issa laħaq €18,940 waqt li l-ammont li jekk persuna waħidha ma taqbżux titqies f’riskju tal-faqar issa tela’ għal €11,364.  Dawn l-ammonti ta’ dħul huma 57% ogħla milli kienu fl-2013.

Ta’ min jispjega li l-ammonti msemmija jiġu ekwivalizzati skont il-kobor tal-familja.  Dan ifisser li filwaqt li biex persuna titqies f’riskju ta’ faqar jekk id-dħul tagħha fl-2022 ma kienx jaqbeż l-€11,364, dan id-dħul ikun iżjed aktar ma l-familja tkun kbira.

Per eżempju fl-2013, biex persuna ma kienitx titqies f’riskju ta’ faqar id-dħul tagħha ma riedx jaqbeż €7,255.  Illum fadal anqas minn 30,000 persuna li ma jaqbżux dan id-dħul meta fl-2013 kien hemm aktar minn 60,000 persuna ma jaqbżuhx.

Ekonomija

Sport