Monday, December 9, 2024

Reġistrata żieda ta’ 49 individwu fosthom koppji li daħlu għal fostering fl-2020

Aqra wkoll

Tikteb Remenda Grech, Direttur  Direttorat Tfal u Żgħażagħ

Michael, tifel ta’ ħames snin, ittieħed minn mal-familja tiegħu f’Awwissu 2020. Huwa sofra minn abbuż fiżiku u emozzjonali serju ħafna, bil-pedjatra tad-Direttorat jiċċertifika xi ksur wara eżami mediku. Wara investigazzjoni tal-Pulizija u s-servizz tal-Protezzjoni Minuri, ġie deċiz li Michael jittieħed mill-kustodja tal-familja tiegħu u l-Qorti tat il-kustodja lid-Direttorat Kura Alternattiva. Michael mar jgħix ma’ omm li tagħmel fostering u li għandha diġà żewġt itfal tagħha u hemmhekk sab familja li lesta li toffrilu kura u mħabba. 

Fl-2020 beda strutturar sħiħ tas-servizzi tat-Tfal fejn twaqqaf Direttorat ġdid hekk kif tirrikjedi l-liġi Protezzjoni Minuri(Kura Alternattiva) Kapitolu 602 tal-liġijiet ta’ Malta.  Dan id-Direttorat Kura Alternattiva, Tfal u Żgħażagħ, jiġbor fih is-servizzi kollha relatati mat-tfal f’kura alternattiva u żgħażagħ vulnerabbli. 

Is-Servizz tal-Fostering, fi ħdan dan id-Direttorat, ħadem bis-sħiħ fl-2020, mhux biss biex jattira foster carers ġodda iżda wkoll biex jagħmel tibdil  fl-operat tas-servizz biex jassigura li l-foster carers ikollhom is-sapport neċessarju.  

Dan seħħ bl-introduzzjoni ta’ counsellor li topera fis-servizz li matul din is-sena offriet għajnuna speċjalizzata lil 27 familja li jipprovdu fostering, filwaqt li kienet f’kuntatt ma’ kull familja li toffri fostering matul is-sena kollha.  Saru wkoll 18-il webinar li wħud minnhom kellhom l-istruttura ta’ sapport group biex dawn il-familji jsibu sapport mingħand xulxin.  Is-servizz tal-fostering joffri wkoll sistema ta’ oncall 24/7 u għal dan il-għan, il-foster carers isibu persuna speċjalizzata lesta li tismagħhom u toffrilhom is-sapport. 

Li tiftaħ il-bieb ta’ darek għal tfal vulnerabbli mhix deċiżjoni faċli. Iżda bħalissa 204 tifel u tifla qegħdin jgħixu f’dawn il-familji filwaqt li 33 tifel u tifla oħra qegħdin f’fostering iktar speċjalizzat. Għat-tieni sena konsekuttiva żdied il-fostering allowance u għalkemm nemmen li l-ebda persuna ma tidħol għall-fostering minħabba l-għajnuna finanzjarja, din iż-żieda, għat-tieni darba fi ftit snin, hija ta’ għajnuna kbira għal dawn il-familji. 

Fostering ifisser li meta tfal jittieħdu minn mal-ġenituri tagħhom, dawn jingħataw l-opportunità biex għal perjodu qasir, normalment ta’ sena jew ftit iktar, dawn jgħixu ma’ familja li tkun tista’ tgħin fit-trobbija ta’ dawn it-tfal sakemm il-familja bijoloġika tagħhom tkun għamlet avvanz adegwat biex jilqgħu lura fi ħdanhom lit-tfal naturali tagħhom. 

Il-Liġi Protezzjoni Minuri tassigura li tfal li ma huwiex fl-interess tagħhom li jirritornaw mal-familja bijoloġika tagħhom, wara perjodu ta’ assessjar, ikunu jistgħu jingħataw is-sigurtà ta’ permanenza u allura s-serħan tal-moħħ li se jibqgħu mal-familja li offritilhom fostering. Dan mhux proċess ta’ malajr b’danakollu f’dawk il-każijiet fejn wara sena jew sentejn ikun ċar li l-familja bijoloġika ma tistax toffri sigurtà, allura jiġi preżentat pjan ta’ permanenza lill-Qorti.  Fl-aħħar sitt xhur tal-2020 id-Direttorat Tfal u Żgħażagħ ressaq 66 każ għal permanenza li minnhom inħarġu diġa 21 digriet tal-Qorti li ddeċidew b’mod favorevoli u hemm stennija għal deċiżjoni tal-qorti fuq 33 oħrajn.  It-tnax-l oħrajn għadhom qed jiġu diskussi.  

Spiss konna nisimgħu l-weġgħa tal-foster carers li wara li jgħaddu tmienja jew  għaxar snin, dawn jibqgħu mwaħħlin, mingħajr sigurtà ta’ permanenza u jibqgħu dejjem jiġu msejħin foster carers.  B’sodisfazzjon nirrimarka li l-permanenza qed isolvi diversi minn dawn l-inġustizzji u l-ligi  issa tipprovdi li tfal li ilhom fostered għal iktar minn ħames snin, mingħajr tama li jmorru lura mal-ġenituri tagħhom, jistgħu saħansitra jingħataw għall-addozzjoni biex finalment dawn il-familji jistgħu verament isejħu lilhom nfushom ġenituri ta’ dawn il-minuri. 

Fl-irwol tiegħi bħala Direttur, b’mod regolari  jien stess niltaqa’ ma’ foster carers biex nisma’ l-esperjenza tagħhom. Din il-ġimgħa kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ Lisa, li hija foster carer li ilha sena li fetħet darha għal dawn it-tfal.  Hija mill-ewwel irrimarkatli li matul din is-sena irċeviet assistenza kontinwa f’kull istanza li kienet qed iżomm xi minuri f’darha.  Lisa spjegat li l-ħaddiema soċjali ‘jiġu spiss fid-dar, speċjalment fl-ewwel jiem is-social worker ikunu qrib ħafna kemm tat-tfal u kif ukoll tal-foster carer biex jaraw kif qed jissetiljaw t-tfal u jekk hemmx bżonn ta’ għajnuna ulterjuri. Meta jkollok ‘placement’ ikollok tant ‘follow ups’ minn ħafna servizzi tad-Direttorat u s-sapport ikun tremend. Inti meta jiġu tfal tkun ħafna konċentrata fuq it-tfal biex jaddattaw iżda ħassejt li mhux biss s-servizz tal-fostering imma anke s-servizzi l-oħra fi ħdan id-direttorat jagħmlu kuntatt kontinwu biex jassiguraw l-andament tal-placement.” 

Lisa spjegat li kull darba li tilqa’ f’darha tifel jew tifla, dan ikun mument emozzjonali ħafna.  Semmiet li avolja tkun preparata ħafna, meta tara lit-tfal u speċjalment meta tisma’ minn x’hiex ikunu għaddew, bla ma trid temozzjona ruħek.  Hija faħħret l-impenn tad-Direttorat li joffri sapport u għajnuna kbira f’kull ħin tal-ġurnata u li jiġri x’jiġri, irrispettivament mill-ħin, tista’ ċċempel u tirċievi l-għajnuna u allura dan huwa ta’ serħan il-moħħ kbir. 

Żgur li t-triq ’il quddiem hija waħda twila, fejn fis-sena 2021 irridu nkomplu l-ħidma biex nirregolaw kull każ u naċċertaw ruħna li dawn l-ulied qegħdin jieħdu l-aqwa frott mil-Liġi Protezzjoni Minuri. Nagħmlu dan b’impenn u b’konvinzjoni li dawn l-ulied jixirqilhom l-aħjar u b’hekk se nkomplu nassiguraw li s-servizz tal-fostering se jkompli jitjieb u jkun ta’ sostenn kbir għall-foster carers. 

Kull min jixtieq iktar informazzjoni dwar il-fostering huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt magħna permezz ta’ messaġġ fuq 99557704/99010533 jew jikkunttatjana permezz ta’ imejl [email protected] jew permezz tal-facebook page Fostering Service – Malta. 

*Isem tal-foster carer mibdul biex nipproteġu l-identità tal-persuna

Ekonomija

Sport