Monday, February 17, 2025

Regolamenti ġodda dwar iż-żamma ta’ annimali perikolużi f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qed jieħu passi deċiżivi biex jindirizza t-tħassib dwar iż-żamma ta’ annimali perikolużi f’Malta. Mill-2016, meta daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti dwar iż-żamma ta’ Annimali Perikolużi (SL 439.19), waslu diversi rapporti dwar annimali perikolużi mhux irreġistrati, li qajmu t-tħassib kemm dwar il-benesseri tal-annimali kif ukoll dwar is-sigurtà tal-pubbliku.

Matul il-laqgħat mad-diversi għaqdiet mhux governattivi u attivisti li jaħdmu favur il-ħarsien xieraq tal-annimali ġiet preżentata proposta biex l-awtoritajiet idaħħlu regolamenti aktar stretti dwar dan is-suġġett. Fis-sottomissjonijiet, 25 għaqda mhux governattiva proponew numru ta’ miżuri, fosthom perjodu definit li matulu jistgħu jiġu identifikati u rreġistrati annimali perikolużi u tiswija obbligatorja tal-annimali biex ma jikbirx in-numru tagħhom u tiġi evitata trobbija illegali.

Fid-dawl ta’ dawn il-proposti, se ssir emenda f’Liġi Sussidjarja 439.19 li tintroduċi perjodu ta’ 90 ġurnata sabiex jiġu rreġistrati annimali perikolużi. Din l-emenda tibda fis-seħħ mil-lum u matul it-tliet xhur li ġejjin is-sidien ta’ dawn l-annimali jridu jikkonformaw mar-regolamenti aġġornati. Taħt id-dispożizzjonijiet il-ġodda:

  1. L-annimali kollha rreġistrati jridu jkunu suġġetti għal tiswija obbligatorja fi żmien sitt xhur, sakemm ma jkunux eżentati skont linji gwida speċifiċi relatati man-natura tal-annimal;
  2. Is-sidien u d-detenturi jkollhom bżonn ċertifikat ta’ kompetenza biex jiżguraw li l-kura tingħata b’mod responsabbli u li l-istandards tal-benesseri tal-annimali jiġu rrispettati;
  3. L-applikanti jridu jissottomettu d-dettalji kollha meħtieġa kif stipulat f’SL 439.19, inkluż identifikazzjoni permanenti tal-annimal, prova ta’ żamma adegwata u miżuri biex jiżguraw kemm il-benesseri tal-annimal kif ukoll is-sigurtà tal-pubbliku.

Se jkunu approvati biss dawk l-applikazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati u d-Direttur tar-Regolament Veterinarju għandu s-setgħa li jirrifjuta applikazzjonijiet li jitqiesu inadegwati jew li joħolqu riskji għas-sigurtà tal-pubbliku. Jekk kemm-il darba jinstab li l-annimali ma jkollhomx post adegwat fejn jinżammu, ir-reġistrazzjoni ma ssirx u dawn iridu jiġu rilokati bi spejjeż għas-sid.

Is-sidien li jirreġistraw l-annimali se jiġu inklużi fir-Reġistru Nazzjonali tal-Annimali Perikolużi wara verifika u spezzjoni mill-awtoritajiet.

Individwi li jinstabu fil-pussess ta’ annimali perikolużi mhux irreġistrati jew li jiksru r-regolamenti jkollhom l-annimali ssekwestrati u jistgħu jeħlu:

(i)              multi amministrattivi bejn €8,000 u €15,000 għal kull annimal;

(ii)            multi li jvarjaw minn €2,000 sa €65,000 u sa tliet snin ħabs fuq l-ewwel kundanna, b’penali akbar għal reati ripetuti.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-idejn lid-Direttur tad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju fit-Taqsima tal-Ħarsien tal-Annimali, fi Ħdan id-Direttorat tar-Regolament Veterinarju, Triq il-Biċċerija, Albert Town, Marsa – MRS 1123. Talba għall-appuntament biex tiġi sottomessa applikazzjoni u kull kjarifika jew mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni jista’ jsir billi ċċempel fuq 205326292 jew 20532625 jew tibgħat email fuq: [email protected]

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jibqa’ impenjat li jiżgura l-benesseri tal-annimali kollha, kif ukoll is-sigurtà pubblika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport