Sunday, November 10, 2024

REGOLI EWROPEJ, REGOLI AMERIKANI

Aqra wkoll

Is-sistema ta’ tmexxija Amerikana hi waħda federali, bi gvern ċentrali sħiħ, inkarigat mill-aqwa setturi ta’ tmexxija. Fil-kumplessità tagħha s-sistema Ewropea għadha bogħod sew milli jkollha tmexxija ċentrali bil-forza ta’ inizjattiva u ta’ intaxxar federali bħalma hemm fl-Istati Uniti. 

Wieħed mill-prinċipji li fuqhom jintqal li titmexxa l-Unjoni Ewropea hu dak tas-sussidjarjetà. Dan ifisser li fejn ħidma tista’ titwettaq fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, hi m’għandhiex tiġi allokata lil xi awtorità ċentrali. 

Hemm ironija f’dil-biċċa. Fil-prattika, f’ħafna mill-mekkaniżmi ta’ kif qed taħdem l-Unjoni Ewropea daħlu u għadhom qed jiddaħħlu miżuri fuq l-awtoritajiet nazzjonali li huma ħafna aktar qawwija milli ssib fis-sistema federali Amerikana. L-istati membri qed ikollhom jissottomettu ruħhom għal dixxiplina li ma teżistix fuq l-istati membri tal-federazzjoni Amerikana.

L-aktar li jinħass dan l-effett hu fiż-żona tal-ewro. L-ebda stat Amerikan mhu obbligat isegwi regoli stretti fit-tmexxija tal-baġit tiegħu, u żgur mhux regoli li huma dettaljati daqskemm huma fl-Unjoni Ewropea.

X’QALU TA’ STEWARD

Hi palpabbli t-taħwida li teżisti dwar it-tmexxija ta’ tliet sptarijiet governattivi li llum jinsabu taħt id-direzzjoni tal-kumpanija privata Steward. Ma rridx nidħol fil-polemika dwar il-kwistjoni. Bħal ħaddieħor, se nibqa’ nisma’ xinhuma jgħidu l-partijiet kollha.

Biss ma stajtx ma ninnotax ħaġa kurjuża fi stqarrija li għamlu dan l-aħħar kelliema għall-kumpanija Steward. Semmew kif daħlu għall-proġett fi ftit żmien fuq talba tal-gvern Malti bil-ħsieb li l-ftehim li kienu se jidħlu għalih se jinbidel b’mod drastiku wara negozjati ġodda.

Frankament qatt ma smajt li xi kumpanija ta’ ċertu serjetà, hi min hi, tidħol b’dal-mod għal ftehim ta’ dal-kobor ma’ gvern, hu liem hu. 

F’din l-affari, fejn marru l-kriterji ta’ tmexxija maniġerjali serja li tifli sew għal xhiex dieħla, billi tagħmel “due diligence”? Tqum ir-riflessjoni: Il-verżjoni li taw ta’ Steward toħloq dubji kbar dwarhom infushom.

TAXXI ĦODOR

It-taxxi “ħodor” qed isiru moda fl-Ewropa fiż-żmien li ġej. Aktar minn moda, se jkunu għodda meħtieġa għalkemm diffiċli, biex l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija jiċċaqlaq lejn mezzi li ma joħolqux aktar tisħin fil-klima tad-dinja. 

Madankollu, l-mod kif it-taxxi jitfasslu u jitħaddmu jrid ikun bis-sens u jsegwi kriterji soċjali. Mhux kull poplu, mhux kull territorju qed jaffaċċja l-istess ambjent naturali jew laħaq l-istess żvilupp soċjali. 

Kumpaniji u pajjiżi kbar u żgħar se jaraw kif jiddobbaw vantaġġi moħbija fil-mod kif jiġu ssettjati t-taxxi. F’dan, biex idawru l-affarijiet fl-interess tagħhom, il-kbar se jkollhom vantaġġ. L-impenn soċjali biex jintlaqgħu dawn il-maniġġi jeħtieġ jinżamm sod. 

Sport