Saturday, December 21, 2024

RELIĠJON U POLITIKA

Aqra wkoll

F’pajjiżna naqsu matul is-snin il-battibekki bejn ċerti esponenti tar-reliġjon Kattolika u dawk b’fehmiet progressivi xellugin. L-aqwa kontroversji dwar hekk inħolqu bla dubju fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor dwar il-libertà tal-kelma, il-ħelsien tat-twemmin u ż-żwieġ ċivili, fost oħrajn.  Għalkemm dakinhar, dehru li rebħu l-aktar il-forzi “kattoliċi”, fir-realtà kien inbeda proċess ta’ tnaqqis spettakolari fil-kontroll u fl-influwenza li huma kellhom fuq il-ħajja Maltija.

Minn dak iż-żmien lil hawn, tilfu kemm-il battalja biex iżommu lis-soċjetà maqbuda fit-tnalji riġidi tal-imgħoddi. Tgħallmu jittempraw il-foga li biha kienu joħorġu għall-attakk, donnhom żguri mir-rebħa. F’kampanja wara l-oħra, ideat sekolari ġew aċċettati u saru mistqarra mill-maġġoranza tal-poplu: żwieġ ċivili, normalizzazzjoni tal-omosesswalità, divorzju, IVF għal koppji li ma jistgħux ikollhom tfal…

Dan ma jfissirx li hekk u kif isibu ċ-ċans, elementi tal-Knisja Kattolika ma jarawx kif jagħtu d-daqqa tagħhom kontra l-Partit Laburista. Biżżejjed wieħed jaqra tajjeb x’jintqal u jinkiteb fil-medja mmexxija mill-Knisja Kattolika llum biex jagħraf kif dan jitwettaq.

FHIEX JEMMNU L-MALTIN?

Il-mitoloġija tagħna dwarna nfusna tpoġġina bħala nies li jafu jħennu u jagħdru; li jemmnu fil-valuri li jgħożżu l-familja; li jafu jkunu ħbieb ta’ u ma’ kulħadd.

Dejjem kont sorpriż, sa minn meta ħafna iżgħar mil-lum, kif meta mbagħad kont naqra x’jiktbu jew jgħidu barranin dwar il-Maltin, kienu jagħtu stampa differenti. Min kellu raġun? Aħna li nemmnu f’dil-mitoloġija dwarna nfusna? Jew barranin li kienu jarawna indifferenti għall-problemi ta’ ħaddieħor, żaqqieqa u prużuntużi, jgħoġbuna biss il-prosopoppeji u r-riti tar-reliġjon mhux il-veritajiet morali li xxandar?

Għal snin dwar hekk, kont ċert li kellna raġun aħna. Wara, din iċ-ċertezza bdiet tiddgħajjef.

JUM SAN PAWL

L-10 ta’ Frar, Jum San Pawl, hu wieħed li tradizzjonalment jitqies bħala punt ewlieni fil-kalendarju tal-festi. Personalment qatt ma tajtu xi osservanza speċjali, li kien żball għax ma kontx ninduna kemm seta’ kien sinjifikattiv għal ħaddieħor.

Intbaħt b’dil-ħaġa fi Frar 1997, meta bħala gvern, b’urġenza ridna ngħaddu liġi li temenda bil-kbir kif it-tarznari li kienu għadhom importanti sew dak iż-żmien, kellhom jitmexxew. Ridt li titressaq malajr fil-Parlament, hekk  li dan kellu jissejjaħ filgħodu għal laqgħa straordinarja s-Sibt ta’ wara li titieħdet id-deċiżjoni.

Malli xxandret in-notizzja tal-laqgħa, qamet kontroversja ġdida. Dak is-Sibt kienet il-festa ta’ San Pawl u kważi l-mexxejja Nazzjonalisti kollha kienu jattendu l-quddiesa ewlenija fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Mid-dehra kienet tradizzjoni tagħhom.

Ġejt akkużat li sejjaħna l-Parlament dakinhar biex indejquhom ftit. Xejn ma kien aktar bogħod minn moħħi f’dak il-ħin!!!

Ekonomija

Sport