Friday, May 3, 2024

Responsabbiltà akbar biex nipproteġu l-Festi Maltin u nsaħħuhom

Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda laqgħet b’sodisfazzjon kbir l-aħbar li l-Festa Maltija ġiet rikonoxxuta bħala Wirt Intaġibbli tal-Umanità mill-UNESCO. Dan ir-rikonoxximent ingħata bl-approvazzjoni tat-18-il sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv għall-Ħarsien tal-Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità li qed isir fil-Botswana. 

Kienet l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda li ppreżentat l-applikazzjoni dwar il-Festa Maltija, li sabet l-appoġġ sħiħ tal-Kurja Maltija u l-komunitajiet tal-festi Maltin. F’kummenti ma’ talk.mt, il-President tal-Għaqda Dr Noel Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-elementi sbieħ tal-Festa Maltija ġew rikonoxxuti għall-valur kulturali u komunitarju li għandhom. 

“Dan ifisser aktar impenn, illi dak li nħossu li hu parti tal-identità Maltija nkomplu nħarsuh u nsaħħuh sabiex dan il-patrimonju Malti u issa sar dinji bir-rikonoxximment mill-UNESCO, inkomplu ngawduh,” tenna Dr Camilleri. 

Mill-aspett turistiku, huwa qal ukoll li dan ir-rikonoxximent se jwassal biex ikunu attirati aktar turisti lejn il-pajjiż billi se jkun qiegħed jiżdied l-interess sabiex dawn jaraw l-elementi sbieħ li jsawru l-festi Maltin.

Dr Camilleri qal li l-proċess beda fl-2019 meta l-Għaqda kienet talbet lill-Gvern biex il-festa Maltija tiġi rikonoxxuta bħala wirt intanġibbli nazzjonali. F’din l-applikazzjoni kienu involuti wkoll l-Għaqdiet Pirotekniċi u l-Għaqdet tan-Nar kif ukoll kien hemm is-sostenn tal-Isqfijiet Maltin u Għawdxin. 

“Għaldaqstant, l-aspetti interni u liturġiċi u dawk komunitarji fuq barra ngħaqdu flimkien sabiex saret din l-applikazzjoni,” żied jispjega l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, li fakkar kif meta ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni kienet waħda sħiħ u kompluta, li kienet tinkludi l-elementi kollha neċessarji. 

L-applikazzjoni kienet daħlet għand il-UNESCO fis-sena 2021, u l-proċess kien kontinwament megħjun mill-Uffiċċju tal-Wirt Intanġibbli fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura u l-espert inkarigat, Jean Paul Baldacchino, li huwa professur tal-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta. 

F’Novembru, il-Kumitat Tekniku, li jeżamina kull applikazzjoni li tidħol għar-rikonoxximent tal-UNESCO bħala wirt intaġġibbli, irrakkomanda li l-festa Maltija tkun miżjuda mal-Lista ta’ Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kumitat Tekniku faħħar il-mod eżemplari li bih kienet ippreżentata l-applikazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni awdjo-viżiva li saret biex takkumapanja din l-applikazzjoni, liema produzzjoni kienet magħula bħala waħda mill-best practices fejn jidħlu l-applikazzjonijiet.

Dr Camilleri qalilna wkoll li parti kbira tax-xogħol kien sar ukoll fi żmien diffiċli tal-pandemija. Minkejja dan, il-ħidma baqgħet għaddejja u l-għaqdiet mużikali komplew jagħtu s-sostenn tagħhom għaliex għarfu li din l-applikazzjoni hi ċertifikat importanti tal-ħidma volontarja li ssir minn eluf ta’ dilettanti li jaħdmu u jagħtu l-ħin tagħhom matul is-sena kollha biex il-festa tkun suċċess.

“Dan kollu jfisser li issa tintefa’ aktar responsabbiltà fuqna biex dak li jsawwar il-festi Maltin nsaħħuh u nipproteġuh,” temm jgħid il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri. 

Sport