F’intervista fuq ONE TV, wara li ġie fi tmiemu l-proċess tal-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li r-rebħa b’maġġoranza assoluta ta’ aktar minn 52% turi l-fiduċja li l-poplu għandu fil-PL sabiex jibqa’ jmexxi ‘l quddiem l-aġenda politika progressiva tiegħu u jkompli bl-implimentazzjoni tal-manifest Malta Flimkien.
Qal li dan ir-riżultat jitfa’ responsabbiltà akbar fuqhom li jkunu verżjoni aqwa tagħhom infushom. “Inħossni mċekken bil-fiduċja li tana l-poplu Malti u Għawdxi,” qal il-Prim Ministru filwaqt li saħaq kif il-poplu wera maturità kbira bil-mod kif bagħat il-messaġġ tiegħu. “Issa sta għalina li nkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna. imbagħad ir-riżultati tal-ħidma jridu jissarrfu f’titjib tal-kwalità tal-ħajja u poplu li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”
Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru nnota li t-turnout f’dawn l-elezzjonijiet kienet kemmxejn aktar minn dik tal-2019. Dak ifisser li għandna soċjetà parteċipattiva f’dak li trid tara li għandu jiffurma l-futur tagħhom. Qal li kienet kampanja mill-aktar sabiħa min-naħa tal-PL għax niżel man-nies u ra x’inhuma l-aspettattivi tan-nies.
“Nemmen li r-riżultati jagħtuna stampa aktar wiesgħa ta’ x’inhuma l-prijoritajiet u l-aspettattivi tan-nies. Kienet kampanja li baqgħet waħda trankwillla fejn kulħadd irrispetta lil xulxin. Battuti jkollna imma fil-maġġor parti nżamm ir-rispett. Dak ir-rispett irid jikkaratterizza l-pajjiż hekk kif nibqgħu mexjin ‘il quddiem”.
“Il-poplu bagħat messaġġ illi m’għadhomx biss il-partiti kollox imma t-temi li rridu niddibattu. Jekk nislet messaġġ minn din il-kampanja huwa l-prijorità li nanalizzaw x’inhuma temi, naraw x’inuma xewqat tal-poplu tagħna u naħdmu qatigħ dejjem fl-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali,” tenna l-Prim Ministru.
Dr Abela qal li kuntrarju għal ħaddieħor li mar jiċċelebra telfa fin-Naxxar, huwa qiegħed jitkellem dwar il-futur, b’temi li jinkludu l-investiment fil-qasam tas-saħħa, il-qasam ambjentali, l-iżvilupp sostenibbi u l-ispazji miftuħa.
Huwa żied jgħid li kieku kellu jqabbel ma’ erba’ snin ilu, il-prijorità tan-nies f’Marzu tal-2020 kienet is-saħħa u l-għajxien tagħhom għax dakinhar kellna ċirkostanza fejn għall-ewwel darba f’diċenji n-nies ħassew li s-saħħa tagħhom kienet qiegħda tiġi perikolata. Kellhom l-għajxien perikolat. “Ħdimna biex dawn il-prijoritajiet indirizzajniehom.”
Huwa żied jgħid li issa huwa sta għall-Gvern u għall-gvern u għall-partit li jkompli jaġġorna lilu nnifsu biex ikun dejjem hu li jilqa’ għall-prijoritajiet il-ġodda. “Inħares ‘il quddiem li jkollna riformi fil-partit mhxu biss fl-individwi ima policies li jkomplu jaġġornaw ruħhom, id-diskussjonijiet li nibqgħu naqbduhom.”
Il-Prim Ministru bagħat ukoll messaġġ ċar illi f’dawk il-kunsilli fejn hemm kunsilliera jew Sindki indipendenti, jew li mhumiex f’isem il-PL, dawk se jkollhom l-appoġġ sħiħ tal-Gvern.