Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur ħabbar li Rhoda Garland ġiet innominata għall-kariga ta’ Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
In-nomina ta’ Garland issa tmur quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi għall-iskrutinju Parlamentari. L-approvazzjoni ta’ dan il-Kumitat tkun tfisser li Garland tkun it-tielet Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Fil-preżent Garland tokkupa l-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv fi ħdan l-istess Kummissjoni.
Kif ġie kkomunikat aktar kmieni llum, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità attwali, Samantha Pace Gasan, se tkun qed tokkupa kariga pubblika oħra, u għalhekk is-Sinjura Garland se tkun qed tassumi l-kariga ta’Aġent Kummissarju sakemm ikun konkluż il-proċess Parlamentari.
Filwaqt li rringrazzjat lis-Sinjura Samantha Pace Gasan għall-ħidma li wettqet f’din il-kariga, il-Ministru Farrugia Portelli awgurat lis-Sinjura Rhoda Garland kull suċċess fil-kariga l-ġdida.
Bijografija
Rhoda Garland iggradwat b’Baċellerat bl-Unuri fl-Accounting u l-Finanzi u aktar tard saret Management Accountant fi ħdan iċ-Chartered Institute of Management Accountants. Għal bosta snin hija ħadmet bħala Management Accountant ma’ kumpaniji bbażati fir-Renju Unit u kienet involuta fi proġetti kemm mil-lat finanzjarju, kif ukoll minn dak ta’ management u informatika.
F’Malta kompliet taħdem bħala konsulenta tal-IT, sakemm fl-2014 hija bdiet taħdem bħala riċerkatriċi fuq l-ewwel Rapport tal-Istat Malti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva. Fl-2015, wara li temmet b’suċċess kors ta’ Masters fl-Istudji tad-Diżabilità mill-Università ta’ Malta, hija ngħaqdet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, l-ewwel fir-rwol ta’ konsulenta fuq proġetti ffinanzjati mill-UE, imbagħad mill-2016, bħala Direttur Eżekuttiv.
Sa minn età żgħira, is-Sa Garland kienet attiva favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Hi kienet il-President tal-NGO Breaking Limits li xogħolha kien li jkattar l-għarfien dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità kemm mal-pubbliku inġenerali, kif ukoll fost il-politiċi u policymakers.