Sunday, December 22, 2024

Riflessjonijiet fuq id-diskors tal-President

Aqra wkoll

Iċ-ċerimonja tal-ħatra tal-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono ġiet u marret. Ċerimonja li, kif mistenni, tkun dominata mill-ewwel Diskors uffiċjali li jsir dakinhar tal-ħatra. Nemmen li tali Diskors ikun bħal dikjarazzjoni. Forma ta’ programm ta’ ħidma. Li m’għandux ikun Diskors sempliċiment ‘tal-okkażjoni’. Nistqarr mill-ewwel: kien Diskors li fih x’tomgħod. U hekk beħsiebni nagħmel flimkien magħkom il-qarrejja.

Iddeċidejt li minn żmien għal żmien naqbad parti parti minnu u nagħtiha ħarsa. Bil-għan li fl-istess ħin ngħin ftit biex Diskors bħal dak ma jitwaddabx fuq xkaffa biex fuqu jinġabar it-trab.

Ħalli mil-lum nikkwotalek parti minnu.

“B’rajna f’idejna, amministrazzjoni wara oħra, bdew jiżviluppaw l-oqsma ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, u llum, wasalna f’sitwazzjoni fejn pajjiżna m’għadx għandu l-pjaga tan-nuqqas ta’ xogħol, u qegħdin inkunu ta’ rifuġju għal bnedmin oħra li, bħalma għamlu niesna fi żminijiet oħrajn, qegħdin jitturufnaw ruħhom minn art twelidhom sabiex ifittxu ħajja aħjar.

“Minħabba f’hekk, qiegħda tirriżulta sitwazzjoni fejn qed ikollna influss fostna minn dawn il-barranin minn pajjiżi li m’għandhomx il-prosperità li bl-għaqal tad-diversi mexxejja politiċi tagħna, ilħaqna llum.

“L-ewwel pass sabiex nintegraw lil dawn il-barranin, inqas ixxurtjati minna, li ġew ifittxu ħajja aħjar fostna, huwa li nħaddnuhom magħna u nifhmuhom; irridu mmorru lil hinn mill-passività tat-tolleranza, lil hinn ukoll minn aċċettazzjoni nofs kedda u ta’ bilfors għax għandna bżonnhom.

“Mhuwiex biżżejjed li nikkontribwixxu b’ġenerożità, f’għotjiet ta’ flus biex tingħata għajnuna supplimentari għal dik provduta mill-Istat lil min, fis-soċjetà tagħna, isib ruħu f’pożizzjoni vulnerabbli. Il-ġenerożità fil-karattru nazzjonali tagħna għandha wkoll timmanifesta ruħha b’mod aktar wiesgħa; għandha tkun il-bażi tal-operat ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ xulxin u ma’ dawk li ġew jgħixu fostna.

“Irridu nkunu wkoll lesti li nilqgħu lill-proxxmu illi, b’diversi sagrifiċċji, jaħrab mill-moħqrija ta’ ħajja iebsa soċjalment f’pajjiżu, inkluż sitwazzjonijiet ta’ konflitti armati, u, bl-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ sħabna fl-Unjoni Ewropea, ngħinuhom jistabbilixxu l-pedament ta’ ħajja aħjar.”

Nistiednek taqra mill-ġdid dawn il-paragrafi u tirrifletti ftit fuqhom. Nistiednek tagħmel dan waqt li tinkwadrahom f’dak li spiss tara fil-midja soċjali fejn jidħlu barranin li jkunu qegħdin jgħixu fostna. Aktar u aktar jekk ikunu ta’ kulur ta’ ġilda differenti minn tagħna. U aktar u aktar jekk ikunu sabu ruħhom fostna b’mod irregolari.

Is-sitwazzjoni tiggrava ruħha, dejjem fl-opinjoni tiegħi, meta tara l-attakki li jsiru fuq uħud minn dawk li jħossu li għandhom jiddefendu s-sitwazzjoni ta’ nies bħal dawn. Jiġini f’moħħi b’mod partikolari l-Editur ta’ din il-gazzetta, Victor Vella. Għax, apparti li għandu dritt għal opinjoni, ma naħsibx li huwa sew, li tara kummenti dispreġjattivi fil-konfront tiegħu sempliċiment għax iwassal ‘aħbar’, jikkummenta, dwar xi dgħajsa li tkun qed taqsam il-Mediterran b’nies fuqha f’attentat iddisprat għal futur aħjar.

Naħseb ftit huma l-familji Maltin u Għawdxin li fis-Snin Ħamsin u Sittin, b’mod partikolari, ma jinkwadrawx fil-kliem tal-President Spiteri Debono “bħalma għamlu niesna fi żminijiet oħrajn, qegħdin jitturufnaw ruħhom minn art twelidhom sabiex ifittxu ħajja aħjar.”

Kemm kellna Maltin u Għawdxin li tturufnaw ruħhom minn art twelidhom sabiex ifittxu ħajja aħjar fl-Awstralja, l-Amerika, il-Kanada, u l-Ingilterra! Tisma’ stejjer mhux tant sbieħ dwar Maltin u Għawdxin li mhux dejjem sabu ġenna tal-art tistennihom. U jiddispjaċik tismagħhom jirrakkuntaw.

U allura għaliex għandna nkunu aħna li issa, għax qegħdin f’sitwazzjoni aħjar minn dak iż-żmien, inħarsu lejn immigranti bħal dawn b’mod pjuttost dispreġjattiv?

Ma taħsibx li jkun ferm u ferm aħjar jekk kliem il-President Spiteri Debono kwotat aktar ‘il fuq nagħtuh il-piż u l-widen li jixirqulu?
[email protected]

Naqbel mija fil-mija

Ftit tal-jiem ilu, jidhirli fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, residenti Beltin għamlu protesta simbolika li biha talbu li jingħataw lura spazji fit-toroq u pjazez fil-belt kapitali tagħna li litteralment sfaw ikkapparrati minn ħwienet u stabbilimenti tal-ikel. Fil-veru sens tal-kelma kemm iħallu spazju mnejn tgħaddi persuna waħda, waħda mhux tnejn. Trid timxi wieħed wara l-ieħor. Dak li l-Ingliżi jsejħulu ‘single file’.

U dan mhux fil-Belt biss. Imma ma’ Malta u Għawdex kollha. F’kull belt u raħal. Ma ngħidx li m’għandux ikun hemm lok għal kollox. Imma lanqas m’għandu jittieħed kull spazju ta’ pjazza u kull bankina. Spiċċajna li l-uniku spazju li jitħalla għaċ-ċittadin huwa spazju ristrett bejn il-ħanut, restorant jew gabbana u l-estensjoni li jkollhom mgħottija bil-plastik u miksija imwejjed u siġġijiet taħt il-bankina sa nofs it-triq.
Konvintissimu li xi forma ta’ permess ikun hemm, imma daqstant ieħor konvintissimu li talli permessi qegħdin ikunu abbużati. Fis-sens li n-numru ta’ imwejjed u siġġijiet ikun ferm u ferm akbar minn dak kopert mill-permess rispettiv.

Allura? Il-problema tas-soltu. In-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet. U għaliex dan in-nuqqas? Għaliex in-nuqqas ta’ azzjoni? Għaliex jingħalqu l-għajnejn?

Meħtieġa azzjoni llum qabel għada. Mhux sew li mis-subgħa tittieħed l-id. Naqbel mija fil-mija mal-protesta li għamlu residenti Beltin. Fihom nara r-residenti ta’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.

Ekonomija

Sport