Regolarment iqum id-diskors dwar ħtieġa ta’ riforma fil-kostituzzjoni, ġeneralment meta jersaq xi anniversarju politiku u xi jum nazzjonali ta’ btala jiġi ċelebrat b’pompa akbar mis-soltu. Dis-sena ma kinitx eċċezzjoni.
Ir-raġunijiet li jinġabu għall-ħtieġa ta’ riforma jkunu għax inbidlu ż-żminijiet… għax jaqbel li jkun hemm aktar/anqas trasparenza/kontroll/kontabilità eċċ eċċ. Dejjem bqajt xettiku dwar dawn l-istqarrijiet. Minkejja kull ma jingħad, il-kostituzzjoni kif miktuba tipprovdi qafas raġonevoli għat-tmexxija demokratika tal-pajjiż.
Hu minnu li mhux dejjem tħaddmet kif jirrekjedi rispett sħiħ lejn l-istituzzjonijiet imwaqqfa taħt il-kostituzzjoni. Mhux darba jew tnejn, dan ma ntweriex, fil-mod pereżempju kif twettqu dmirijiet li joħorġu mit-tħaddim korrett tal-istituzzjonijiet. Waqt li l-kelma tal-kostituzzjoni ġiet osservata, żgur mhux l-ispirtu u t-tifsira tagħha.
Dejjem sibtha stramba kif min jitlob riformi kostituzzjonali qatt ma jibda billi jitlob elenku sħiħ ta’ kif u fejn l-preċetti tal-kostituzzjoni ma twettqux b’mod li tassew jirrispettahom.
FINANZJAMENT
Kulħadd jaf kif il-partiti politiċi huma finanzjati l-aktar permezz ta’ donazzjonijiet li jirċievu, mingħand ċittadini u negozji privati. Ħafna jikkritikaw din is-sistema għax twassal biex il-partiti jiġu taħt il-pressjoni ta’ min ikun tahom appoġġ finanzjarju (l-aktar negozji) biex wara jittieħdu deċiżjonijiet li jaġevolawhom b’mod jew ieħor.
Għal numru ta’ snin kont involut fi ġbir politiku ta’ dat-tip u nista’ ngħid li qatt ma ġejt wiċċ imb’wiċċ ma’ xi talba diretta fis-sens ta’ – Hawn l-għotja, issa isma’ x’irrid tagħha… Li ma jeskludix xi forma ta’ pressjoni li setgħet issir minn kanali oħra…
Biss li nibqa’ niftakar hu x’qalli negozjant kbir u ta’ esperjenza (mhux se nsemmi ismu): Jiddispjaċini, imma jien ma tantx inħobb nagħti flus lill-partiti. Nippreferi ngħin direttament kandidati tagħhom li jogħġbuni u jippromettu.
TAL-MISTĦIJA
Li skip jitħalla f’nofs triq ewlenija, mibnija biex it-traffiku jevita li jgħaddi minn ġoċ-ċentru ta’ raħal… minn fejn isuqu b’għaġla karozzi u muturi… u wara liwja tat-triq… mhux biss imur kontra kull regola li jista’ jkun hemm, imma kontra s-sens komun. Imbagħad tiġri t-traġedja… kif ġrat… u ħadd mhu responsabbli. Li dawn l-atti tal-mistħija jibqgħu jiġru u qisu ħadd m’għandu tort assolutament mhuwiex aċċettabbli.
Kif mhuwiex aċċettabbli li x’jiġri wara t-traġedja jibqa’ sfumat fi proċeduri legali (meta jinbdew) u strataġemmi biex il-każ jibqa’ jiddewwem ħalli kull min ikun involut jilħaq jitlaq mix-xena. Sakemm ma tqumx xi protesta qawwija politika jew publika biex tqanqal azzjoni…
Imma mhux kull traġedja li tiġri fuq xogħlijiet publiċi mmexxija mill-gvern jew mill-privat se jirnexxielha tqajjem skandlu li jheżżeż.