Il-pajjiż se jkollu liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol wara 20 sena. Din hija riforma oħra li se tkun qiegħda tippromwovi s-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
Il-liġi l-ġdida li mistennija tibda tiġi diskussa llum fil-Parlament hija prova oħra ta’ kemm is-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma importanti, għaliex mhuwiex privileġġ li ħaddiem joħroġ għax-xogħol u ma jidħolx lura lejn daru. Kull ħaddiem li filgħodu joħroġ minn daru biex imur jaqla’ l-għajxien għandu jirritorna lura ma’ familtu jew mal-għeżież tiegħu.
Jeħtieġ inkunu realistiċi li b’saħħitha kemm hi b’saħħitha l-liġi, il-każistika f’dan il-qasam sfortunatament hi li hi. Minn ħaddiema li jweġġgħu f’industriji tal-manifattura sa dawk li sfortunatament jitilfu ħajjithom f’setturi oħrajn.
Din il-liġi se tipprova tagħlaq it-toqob li setgħu ma ġewx indirizzati għal daqstant snin u l-mira hija li jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji.
Huwa tajjeb li jikber l-investiment fl-OHSA biex din tkun tista’ tlaħħaq mal-ispezzjonijiet tal-postijiet tax-xogħol aktar u aktar meta llum l-ekonomija qed tikber tant li f’pajjiżna hawn rata għolja ta’ persuni fl-impjieg.
Għandna għax nifhmu li l-Att il-ġdid se jkun qiegħed jintroduċi diversi elementi ġodda biex ikompli jiffoka mhux biss fuq l-entità imma anke fuq is-settur inġenerali. Għalhekk din il-liġi se tkun qed tħejji lil pajjiżna sabiex jiffaċċja mhux biss l-isfidi tal-lum imma anke tal-ġejjieni.
Permezz ta’ din il-liġi l-ġdida tal-OHSA, mhux biss se jkunu qed jissaħħu l-istrutturi organizzattivi tal-Awtorità bit-tisħiħ tal-Bord u l-Eżekuttiv, iżda se jintroduċi wkoll sistema ġdida ta’ penali, proċeduri ta’ kompromess, formulazzjoni ta’ tribunal ġdid tal-Awtorità u l-introduzzjoni ta’ uffiċjal ġdid responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-postijiet tax-xogħol.
Imma bħal dejjem, is-saħħa fir-riformi li jsiru huwa l-poplu ġenerali u l-bżonn li kulħadd jiġbed l-istess ħabel biex l-awtorità ma titqiesx bħala waħda punittiva, imma waħda li qiegħda hemm miftuħa biex tiddiskuti u teduka dwar l-aħjar prattiċi fis-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull ħaddiem.
B’hekk nemmnu li l-impenn ta’ uffiċjal għoli (HSRO) li se jkun responsabbli għar-rappurtar dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-kumpaniji u fl-entitajiet li minn żmien għal żmien se jkunu identifikati li huma ta’ riskju għoli awtomatikament se jgħin biex jifrex l-idejn tal-awtorità fl-għan tagħha.
Din il-ħidma kollha tikkonferma kemm dak li l-Gvern jimpenja ruħu li jwettaq, qiegħed fil-fatt isir.