Friday, November 22, 2024

Rikażli lura għal żmien it-Tieni Gwerra Dinjija f’DokuDrama b’talenti Maltin

Aqra wkoll

Justin Farrugia u Steven Dalli, li huma diretturi ta’ Sharp Shoot Media u li nafuhom jidderieġu u jipproduċu s-serje televiżivi Strada Stretta u L-Għarusa, se jkunu qed jirritornaw fuq l-iskrins tat-televiżjoni b’DokuDrama dwar it-Tieni Gwerra Dinjija bl-isem ta’ ‘The Women of George Cross Island’. Dan il-proġett il-ġdid kif sejħulu Farrugia u Dalli qed jiġi miktub u rriċerkat minn Kim Dalli.

Wara li Farrugia żvela li fl-aħħar kien se jibda x-xogħol, Talk.mt tkellem ma’ Justin Farrugia nnifsu dwar dan id-dokudrama li se jkun wieħed uniku u li bla dubju se jkun qed jiġbor udjenza kbira ġaladarba jibda jixxandar fuq it-televiżjoni.

“Bħalissa ninsabu fir-Rikażli fejn għaddejjin bi preparazzjonijiet intensivi sabiex nibdew il-filming ta’ dan id-dokudrama. Hu ismu miegħu hu dokumentarju ta’ x’kienu jesperjenzaw missirijietna fiż-żmien tat-tieni gwerra dinjija iżda fl-istess ħin hemm id-drama involuta fejn se naraw karattri differenti jinterpretaw rwol partikolari.”

Farrugia jgħid li hemm numru kbir ta’ atturi u nies jaħdmu minn wara l-kwinti sabiex il-produzzjoni toħroġ b’suċċess bħalma ġara fl-Għarusa u Strada Stretta.

Farrugia spjega li dan huwa proġett li jinvolvi numru kbir ta’ nies fejn ix-xeni jinbidlu minn mument għall-ieħor. Ħafna mill-filming qed isir barra u peress li bdew jinġibdu xi xeni fejn ċerti postijiet ġew attakkati mill-bombi tal-ajruplani, kien bżonn ukoll ħafna ġebel biex joħloq stampa aktar reali. Farrugia xtaq jirringrazzja lill-Malta Film Commission li għenet mhux ftit sabiex ikun jista’ jinġieb ammont kbir ta’ materjal ta’ tiġrif u ġebel li se jkunu qegħdin iżidu l-livell ta’ paragun bejn il-produzzjoni tagħhom u dak li verament seħħ.

“Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellna xeni fejn rajna lil Malta taħt l-attakk mill-għadu. Il-biża’ li esperjenzaw il-Maltin kienet kbira iżda l-kuraġġ li wrew kien wieħed enormi. Ovvjament int u tiġbed dawn il-mumenti mingħajr ma trid jiġik f’moħħok dan kollu”, kompla biex jgħidilna.

L-istess kummissjoni għall-films tat ukoll il-post f’Rikażli sabiex ikunu jistgħu jaħdmu kif jixtiequ tul dawn il-jiem li ġejjin.

Hekk kif bħalissa deħlin fl-istaġun tas-sajf u x-xemx tibda tiddomina l-gżejjer Maltin bit-temp li se jkun ferm sħun, Justin Farrugia u t-tim tiegħu mhux se jaqtgħu qalbhom u se jkunu qed jiffiljmaw bl-aqwa mod possibbli minkejja li se jkunu esposti mhux ftit għall-elementi.

“Wara kollox dan hu xogħolna. Irridu nwasslu l-produzzjoni tagħna bl-aqwa mod possibbli. Xejn ma jaqtagħli qalbi ġaladarba toħroġ produzzjoni tal-ogħla livell, xi ħaġa li dejjem nisħaq fuqha kull meta mmorru għall-proġett bħal dan.”

Kif wieħed jista’ jobsor, produzzjoni bħal din tinvolvi numru kbir ta’ nies u kien għalhekk li Farrugia u l-kollegi tiegħu għamlu sejħa għal atturi ta’ kull età minn tfal sa irġiel u nisa kif ukoll anzjani.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk inkarigati mill-irtokk, Farrugia spjegalna li kien hemm bżonn irtokk fejn l-artisti jkunu jidhru maħmuġin l-aktar meta jkunu għadhom ġejjin mix-xelter.

Ambjent partikolari ieħor kien meta n-nisa kien ikollhom joqogħdu barra sabiex isajru. Kulħadd sema’ bil-famuża Victory Kitchen u kemm kien hemm nies jaħdmu magħha u l-ammont kbir ta’ nies li temgħet.

“Permezz ta’ dawn id-dettalji ridna li t-telespettaturi jaraw il- lat reali tal-gwerra. L-ambjent ta’ tbatija, faqar u tama kienu kollha kemm huma preżenti f’dan iż-żmien mhux daqstant sabiħ”, kompla jelabora Farrugia.

Staqsejna lil Farrugia dwar is-settur tal-films fil-gżejjer Maltin u l-potenzjal li jara għall-futur u filwaqt li kkonferma li hawn potenzjal kbir, jemmen li jista’ jkun hemm aktar ġaladarba jkun hawn aktar għajnuna mill-awtoritajiet konċernati.

“Kif stajt tara inti stess, trid budget kbir biex tibni sett bħal dan li għandna f’Rikażli. Kollox jiswa l-flus. Nemmen li se jkun hemm aktar opportunitajiet fil-ġejjieni u ninsab konvint li s-settur se jkompli jikber dejjem aktar.”

Finalment tlabna lil Farrugia jagħtina l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fis-settur tal-films forsi wkoll bħala atturi jew saħansitra produtturi.

“L-ewwelnett qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom anzi għandhom jirsistu sabiex jieħdu dak li jixtiequ. Jien bdejt nipprattika b’daqsxejn ta’ kamera żgħira u ftit ftit dejjem bdejt intejjeb il-livell tiegħi. Imxejt tarġa tarġa u fl-aħħar mill-aħħar ħassejtni tgħallimt ħafna.” Għalaq jappella Farrugia.

Dan il-proġett huwa possibli grazzi għall-fondi finanzjarji minn ‘Kultura TV’ (Kunsill Malti għall-Arti), Screen Malta (Malta Film Commission) u GO.

Qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ fondazzjoni wirt artna, Heritage Malta u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, Times of Malta, Midsea Books, Maltapost u VBL.

Sport