Sunday, December 22, 2024

Rikonoxxuta l-ħidma ta’ Malta fit-tisħiħ tal-ugwaljanza LGBTIQ fis-setturi kollha fir-rapport annwali maħruġ minn ILGA Europe

Aqra wkoll

L-impenn ta’ Malta biex tkompli tavvanza u tintegra l-ugwaljanza LGBTIQ fl-oqsma kollha tal-ħajja ġie rikonoxxut fir-rapport annwali ppubblikat nhar it-Tnejn mill-għaqda Ewropea ILGA-Europe. Dan ir-rapport juri li matul is-sena 2022, Malta kompliet tagħmel passi sinjifikanti biex issaħħaħ id-drittijiet u l-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ. Il-ħidma li saret u l-miżuri li ġew implimentati jirriflettu l-ħidma konġunta li ssir bejn il-Gvern Malti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili LGBTIQ.

Dan ir-rapport, li jsemmi x-xogħol varju li twettaq minn 54 pajjiż, jagħti ħarsa speċifika lejn il-ħidma li saret f’pajjiżna favur l-ugwaljanza LGBTIQ. Ir-rapport jirreferi għat-taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ħadmet fuq bosta kampanji ta’ għarfien filwaqt li sostniet dwar l-importanza tat-taħriġ lil diversi ħaddiema tas-servizz pubbliku.

Fosthom ingħata taħriġ lill-edukaturi, lill-impjegati ta’ Identity Malta, lir-rekluti u lill-uffiċjali tal-pulizija.

Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll il-fatt li Malta neħħiet darba għal dejjem id-diskriminazzjoni kontra rġiel omosesswali fejn jidħol l-għoti tad-demm. L-għan ewlieni wara din il-bidla hu li kull min jixtieq jagħti d-demm mhux se jibqa’ jiġi diskriminat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, iżda kulħadd se jiġi trattat l-istess.

Ir-rapport jinnota li matul is-sena li għaddiet ġiet organizzata l-ewwel Pride March f’Għawdex. Mument storiku għall-komunità hekk kif dan kien ifisser pass sinjifikanti għall-komunità LGBTIQ f’Għawdex.

Għaldaqstant, din il-ħidma se tissaħħaħ hekk kif Malta se tkun qed tospita l-Europride f’Settembru li ġej, avveniment importanti li jiċċelebra d-diversità, l-inklussività u l-ugwaljanza. Il-gvern intensifika t-tħejjijiet għall-avveniment u jantiċipa li se jkun qed jilqa’ eluf ta’ parteċipanti minn madwar l-Ewropa kollha. EUROPRIDE 2023 se tipprovdi pjattaforma biex turi l-impenn ta’ Malta biex tkompli tissiġilla l-kisba ta’ drittijiet ċivili għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjon u qalet li dan ir-rapport huwa prova ċara ta’ kemm pajjiżna qed jaħdem favur soċjetà aktar ġusta u ugwali. Barra minn hekk, qalet li pajjiżna kiseb ħafna f’dawn l-aħħar snin, imma l-fatt jibqa’ li għad fadal ħafna aktar xi jsir biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ fil-ħajja ta’ kuljum.

Għaldaqstant, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tielet strateġija nazzjonali għall-ugwaljanza LGBTIQ, bl-iskop li tiġi mnedija aktar tard din is-sena.
“Ir-rapport tal-ILGA Europe juri vjaġġ ta’ kburija nazzjonali li skatta minn gvern Laburista. Nibqgħu impenjati biex indaħħlu aktar riformi favur soċjetà ta’ mħabba fejn ngħożżu lil xulxin, ikunu x’ikunu l-għażliet personali tal-individwu,” qalet is-segretarju parlamentari.

Ekonomija

Sport